Wara li tul il-jum tat-Tnejn fil-Qorti d-Deputat u eks Ministru Laburista Konrad Mizzi farfarha fuq sħabu, li kienu jagħmlu parti mill-Kabinett tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, kif ukoll fuq il-kabinett attwali ta’ Robert Abela – dwar dak li għandu x’jaqsam mal-ftehim tat-tlett sptarijiet ma’ Vitals u Steward – il-Ministru għas-Saħħa attwali, u Deputat Prim Ministru, Chris Fearne, għażel li ma jikkumentax dwar din ix-xhieda.
Kemm l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll Konrad Mizzi xehdu li dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ftehim tal-isptarijiet għadda mill-Kabinett.
Madanakollu, Muscat spjega li ttieħdu żewġ deċiżjonijiet fil-Kabinett tiegħu, b’Mizzi saħansitra jgħid li ġew meħuda 14-il deċiżjoni.
Minn naħa l-oħra l-eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal taht gurament li sar jaf b’kollox b’ittra sekondarja.
Għaldaqstant …saqsejna direttament lill-Ministru Chris Fearne, li tahtu jaqghu l-isptarijiet.
Hu wieġeb li kulħadd qara u semgħa x’intqal mill-predeċessur tiegħu, u għażel li jinħeba wara s-suppost sigriet tal-Kabinett.
Lura f’Lulju, meta l-Awditur Ġenerali kkundanna dan il-ftehim u insista li kellu jiġi skwalifikat – il-Minsitru Chris Fearne kien stqarr li tali rapport jindika tħassib serju u insista li ma kellux idea bl-eżistenza tal-Memorandum of Understanding.
Stqarrijiet, xhieda u intriċċi li jikkontradixxu lilhom nfushom – mistqarra minn persuni ewlenin kemm fil-Gvern ta’ Muscat kif ukoll tal-Prim Ministru Robert Abela – dwar kif ittieħdu miljuni ta’ ewro minn but il-poplu, għad-detriment tas-saħħet iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
U dwar dan kollu….skiet assolut minn naha tal-Prim Ministru.
//= $special ?>