Internazzjonali

Covid-19: Hu ‘ferm improbabbli’ li l-virus ħareġ minn laboratorju fiċ-Ċina

Il-grupp ta’ esperti internazzjonali li mar fiċ-Ċina biex jinvestiga l-oriġini tal-Covid-19 kważi warrab għal kollox it-teorija li l-coronavirus ġdid qattiel ħareġ minn ġo laboratorju.

Peter Ben Embarek, il-Kap tal-missjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), qal li hu ‘ferm improbabbli’ li l-virus kien ‘skappa’ minn laboratorju fil-belt Ċiniża ta’ Wuhan. Hu sostna wkoll li jinħtieġ ħafna aktar xoghol ‘biex huma jidentifikaw is-sors tal-virus’, waqt li kienet qed tikkonkludi l-missjoni konġunta tal-WHO u ċ-Ċina biex isir magħruf is-sors oriġinali tal-Covid-19.

Il-Covid-19 kien feġġ għall-ewwel darba fil-belt Ċiniża ta’ Wuhan f’Diċembru tal-2019 u żviluppa f’pandemija li affettwat lid-dinja kollha.

Sadanittant, Ben Embarek, li kien qed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet, tenna li l-investigazzjoni żvelat informazzjoni ġdida – iżda, fl-istess ħin, l-informazzjoni ma bidlitx ‘l-idea dwar il-pandemija’ b’mod drammatiku.

Filwaqt li l-ħidma lejn l-identifikazzjoni tal-oriġini tal-Covid-19 indikat ‘il-friefet il-lejl bħala sors naturali’ ingħad li mhux probabbli li s-sors għandu jkun ‘irrelatat ma’ Wuhan’.

Dan waqt li l-esperti tennew li ma kienx hemm is-sinjali li l-virus kien qed jiċċirkula f’Wuhan qabel kienu reġistrati l-ewwel każi uffiċjali tal-Covid-19, f’Diċembru tal-2019.

Min-naħa tiegħu, Liang Wannian, espert mal-Kummissjoni tas-Saħħa taċ-Ċina, qal li l-Covid-19 seta kien qiegħed f’reġjuni oħra sa minn qabel kien indikat f’Wuhan.