Għadu mhux ċar jekk id-dinja għandhiex bżonn il-vaċċini l-ġodda biex tirreżisti għall-varjanti differenti tal-coronavirus (Covid-19). Dan qalu Andrew Pollard, il-Kap tal-Oxford Vaccine Group, li sostna wkoll li ‘mhemmx lok għal allarm’ peress li x-xjenzati qegħdin jaħdmu fuq varjetà ta’ vaċċini li mistennija jkunu effettivi fil-konfront tal-iżviluppi relatati mal-pandemija.
Il-kumpanija AstraZeneca u l-Università ta’ Oxford, li qed jikkollaboraw bi sħab fi proġett għall-produzzjoni tal-vaċċini, qed jaħsbu biex jintroduċu ‘vaċċini tal-ġenerazzjoni li jmiss’ li jipproteġu lin-nies kontra l-Covid-19 sa mill-istaġun tar-rebbiegħa.
Pollard qal li waqt li hemm diversi domandi dwar il-varjanti, dawn se jkunu indirizzati u meta l-produtturi kollha qed iħejju l-vaċċini l-ġodda f’każ li jkun hemm bżonnhom ‘u li mistennija jipproteġu lin-nies kontra l-agħar tal-virus’.
Fil-bidu tal-ġimgħa, l-Afrika t’Isfel waqqfet – temporanjament – id-distribuzzjoni pjanata tal-vaċċini tal-AstraZeneca wara li d-data uriet li l-vaċċin jagħti protezzjoni minima liż-żgħażagħ kontra infezzjoni ħafifa mill-varjant dominanti tal-coronavirus fil-pajjiż. Id-data żvelata qajjmet l-inkwiet li d-dinja tista’ jkollha tħejji għal battalja aktar fit-tul mal-varjanti tal-Covid-19.
Madankollu, il-maġġoranza assoluta tar-riċerkaturi u x-xjenzati jaqblu li l-vaċċini huma ‘l-aktar triq sikur’ ‘il barra mill-kriżi tal-Covid-19 li sallum qatlet 2.33 miljuni minbarra li ħarbtet il-ħajja għal biljuni ta’ nies madwar id-dinja.
Fi żviluppi oħra, ir-Renju Unit qed jikkunsidra li jintroduċi proċeduri tat-testijiet aktar riġidi għan-nies kollha li jirritornaw fl-artijiet tiegħu minn barra – anki waqt li dawn in-nies ikunu suġġetti għall-perjodi ta’ iżolament mandatorji.Dan qed isir bħala l-aħjar mezz ta’ protezzjoni kontra l-varjanti tal-Covid-19.
Ir-rapporti indikaw li kulmin jasal lura r-Renju Unit minn barra se jkollu jgħaddi minn testijiet għall-Covid-19 fit-tieni u t-tmien ġranet tal-kwarantina.
Intant, il-linji tal-ajru għaddejjin mill-agħar żmenijiet b’kaġun tal-pandemija, bir-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar iwasslu diversi kumpaniji f’xifer il-falliment, b’kumpaniji tal-ajru oħrajn ikeċċu l-eluf tal-ħaddiema.
//= $special ?>