Lokali Qorti

Estiża sentenza sospiża fuq serq minħabba d-droga

Il-Qorti tal-Maġistrati estendiet il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża wara li żagħżugħa mill-Wardija ammettiet akkużi serq ta’ flus kontanti u telefowns ċellulari, apparentement biex tiffinanzja vizzju tad-droga.

Kim Borg Nicolas Virtu ta’ 29 sena ammettiet diversi akkużi ta’ serq aggravat kif ukoll ta’ frodi u reċidività. Is-serq, ta’ flus kontanti u telefowns ċellulari, seħħ l-aktar minn vetturi pparkjati fil-Gżira.

Flus ittieħdu wkoll minn Supermarket fejn ġew misruqa wkoll għodod, fosthom chaser minn residenza, wkoll fil-Gżira. Il-Qorti qieset l-ammissjoni bikrija tat-tfajla u rigward il-piena ħadet in konsiderazzjoni tan-natura
tar-reati li tagħhom instabet hatja u l-fedina penali tagħha.

Min-naħa l-oħra l-koperazzjoni tagħha mal-Pulizija, kif wkoll ix-xewqa tagħha li hija tagħmel programm ta’ riabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga.
Hija ġiet ikkundannata sentejn priġunerija, iżda b’estensjoni testendi tal-perjodu operativ tas-sentenza sospiza mghotija f’l-26 ta’ Ottubru 2019 b’erbgħa snin mid-data tas-sentenza.

Il-Qorti rrakkomandat ukoll li l-imputata tinghata bl-opportunità li tagħmel programm ta’ riabilitazzjoni. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Ransley, filwaqt li għat-tfajla deher l-Avukat Martin
Fenech. Il-każ instema mill-Maġistrat Doreen Clarke.