Lokali

Fearne jgħid li hemm possibilità li jkollna trażmissjoni tal-varjant lokalment

Għandna nibdew nistennew li l-varjant tar-Renju Unit tal-Covid-19 jibda jinxtered lokalment.

Sostna dan il-Ministru għas-Saħħa u Deputat Prim Ministru Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet wara li kien mistoqsi minn Net News dwar il-contact tracing li qed isir b’rabta mas-16-il persuna  pożittivi għal varjant imħabbra fuq ix-Xandir tal-Istat it-Tnejn filgħodu mis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, fejn spjegat li b’kollox f’pajjiżna ġew identifikati 31 persuna li rriżultaw pożittiv għall-varjant Brittaniku.

Chris Fearne spjega wkoll li l-genetic sequencing b’rabta ma’ dawn l-investigazzjonijiet jieħdu madwar ġimgħa u għaldaqstant, għalissa m’hemm l-ebda aġġornament dwar il-contact tracing b’rabta ma’ dawn il-każi.

Il-Ministru spjega wkoll li hemm dubji b’rabta mal-kunsinna tal-vaċċin tal-Astra Zeneca li waslet Malta l-Ħadd filgħaxija. Saħaq li hemm inċertezza dwar il-monitoraġġ ta’ f’liema temperatura tkun qed tinżamm il-kunsinna tat-tilqima u għaldaqstant, għad irid jiġi stabbilit jekk din hux se tkun qed titqassam minn din il-kunsinna jew le.

Chris Fearne sostna li l-vaċċin tal-Astra Zeneca se jkun qed jingħata lil persuni li għandhom bejn it-18 u l-55 sena, inkluż il-frontliners. Madankollu, mhux se jkun qed jingħata lill-persuni vulnerabbli li jaqgħu f’din il-faxxa ta’ età.

Huwa spjega wkoll li bejn l-ewwel u t-tieni doza tal-vaccin tal-Astra Zeneca wiehed irid jistenna bejn 8 u 10 gimghat.

Dan filwaqt li spjega li ladarba jitlaqqmu l-frontliners u l-persuni vulnerabbli, bil-proċess ta’ dawn tal-aħħar jibda mill-Erbgħa, se jkunu qed jiġu vvaċċinati l-għalliema u l-istaff edukattiv.

Mistoqsi minn Net News dwar meta s-sidien tal-bars se jkunu qed jiftħu l-istabbilimenti tagħhom mill-ġdid, bl-għan li jkunu jistgħu jippreparaw minn qabel, il-Ministru wieġeb li għadu kmieni wisq.

Fearne insista li għadna ‘l bogħod biex nilħqu l-herd immunity u attribwixxa ż-żieda fil-każi ġodda li rajna fl-aħħar erbat ijiem għall-fatt li għadna fl-istaġun tax-Xitwa.

Ta’ min wieħed jinnota li wara din il-konferenza, għall-ewwel, NET News twaqqaf milli jintervista Ministru bħall-kmamar tal-aħbarijiet l-oħrajn, bil-ġurnalist jiġi mhedded li jekk ma jistaqsix dwar is-suġġet magħżul minnhom, se jkollu l-intervista mwaqqfa.

Madanakollu, il-Ministru Fearne, bid-differenza tal-kollega Byron Camilleri – bl-attitudni tiegħu tiġi mċanfra wkoll mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin – aċċetta li jkun mistoqsi minn NET News.