Chris Said, PN
Id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal li l-Gvern Laburista qed iwarrab il-ħtiġijiet essenzjali tal-poplu Għawdxi.
Fl-Aġġornament tal-parlament Chris Said tkellem dwar il-Kumitat Parlamentari għal Għawdex u qal li fl-ewwel xhur tiegħu dan il-Kumitat kien jiltaqa’ b’mod regolari. Hu qal li dan il-kumitat issa ilu wieqaf ħames xhur għaliex il-Gvern ħoloq diffikultajiet biex dan jaħdem.
Dan il-Kumitat tħalla bla chairperson għal numru ta’ xhur biex issa nħatar il-Ministru Anton Refalo iżda xorta għadu ma ltaqax. Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-aħħar proposta tal-Kumitat kienet li l-Ministru tal-Finanzi jdaħħal miżura biex ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f’Malta jagħmlu jumejn telework u fejn hu possibbli fid-dipartimenti tal-Gvern kollu. Minkejja l-approvazzjoni tad-deputati kollha Għawdxin, il-Gvern warrab din il-proposta li tolqot 3,500 ħaddiem Għawdxi li jaħdmu Malta.
Hu tkellem dwar il-Qorti ta’ Għawdex issa l-Gvern bidel il-post mir-Rabat għax-Xewkija; għaddew erba’ snin u l-Gvern warrab din il-proposta għal kollox. Dan meta l-Qorti ta’ Għawdex mhux aċċessibbli; bil-fondi tar-restawr taċ-Ċittadella l-Qorti ta’ Għawdex ġie inqas aċċessibbli.
Il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà qed tgħalaq għajnejha u ma tagħmel xejn. Il-ħaddiema qed jaħdmu f’kundizzjonijiet inaċċettabbli; il-Ministru tal-Ġustizzja għadu ma żarx dan il-Qorti.
Chris Said tkellem dwar il-vapur tal-merkanzija li kien jaħdem bejn Sa Maison u l-Imġarr; f’Jannar ta’ ħames snin ilu dan is-servizz essenzjali twaqqaf. Il-Gvern kien wiegħed li dan is-servizz se jerġa’ jibda iżda wara ħames snin m’hemm l-ebda ħsieb li jerġa’ jkun introdott.
Dan qed iġib diffikultajiet kemm għall-burdnara, għall-Għawdxin u għax-xufiera flimkien mal-ambjent minħabba li t-trakkijiet issa jridu jgħaddu mit-toroq. Gvern Nazzjonalista jerġa’ jintroduċi dan is-servizz u jkun iżjed frekwenti b’vapur iktar veloċi. Il-Gvern Laburista qed jikser kundizzjonijiet tal-UE meta waqqaf dan is-servizz.
Chris Said semma l-permanent link bejn Malta u Għawdex u qal li issa l-gvern siket dwar dan il-proġett. Il-gvern għandu obbligu li jikkonsulta, ma ppubblikax l-istudji, ma spjega l-ebda studju u abdika minn dan l-obbligu lejn l-Għawdxin u l-Maltin. Dan hu proġett ta’ importanza kbira qabel jittieħdu d-deċiżjonijiet.
Hu tratta wkoll is-saħħa u qal li l-gvern inganna lill-Għawdxin meta għadu ma nstema’ xejn dwar il-kumitat li twaqqaf biex jara s-sitwazzjoni fis-saħħa, fosthom dik tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Il-Maltin huma kapaċi jmexxu l-isptarijiet u jmexxuhom tajjeb.
//= $special ?>