Lokali

Investiment biex il-Freeport jakkomoda l-ikbar bastimenti fid-dinja

Il-Forum Marittimu ta’ Malta laqa’ b’sodisfazzjon l-investiment ta’ €20 miljun mill-Freeport fi krejnijiet ġodda sabiex jakkomoda l-ikbar bastimenti tal-containers fid-dinja.

Minbarra li l-investiment minnu nnifsu għandu l-benefiċċju kummerċjali tiegħu, il-Forum Marittimu qal ukoll li dan se jkollu wkoll benefiċċji ta’ natura ambjentali għaliex l-aħħar ġenerazzjoni tal-bastimenti ġganteski tad-ditta CMA CGM kollha jaħdmu bl-LNG.

Ir-rwol tal-Freeport jibqa’ wieħed kruċjali għall-ekonomija Maltija, mhux biss għas-servizz li joffri lill-industrija lokali iżda wkoll għaliex hu fost l-ikbar employers fil-pajjiż b’1,600 impjegati direttamenti kif ukoll 900 oħra bejn burdnara u ħaddiema tax-xatt.