Il-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli kkonfermat li r-rapport wara l-investigazzjoni interna tal-Enemalta dwar l-iskandlu tal-Windfarms fil-Montenegro ngħadda lill-Pulizija għall-investigazzjoni.
Hi kkonfermat dan meta mistoqsija minn NET News dwar jekk hux se tieħu passi, issa li ġie żvelat li kien hemm nuqqas fil-proċess ta’ due diligence u anke nuqqas ta’ professjonalità fil-mod kif ġie analizzat dan id-deal.
Għal kull mistoqsija, il-Ministru Dalli baqgħet twieġeb li f’dan l-istadju mhux se tieħu pożizzjoni, ladarba r-rapport jinsab għand il-Pulizija. Dan anke meta mistoqsija dwar jekk temminx li għandha tintrefa’ r-responsabbiltà politika f’każ li l-Pulizija jsibu xi irregolaritajiet.
Is-sena li għaddiet, Yorgen Fenech – sid il-kumpanija 17 Black u l-akkużat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia – sar magħruf li kien imdaħħal fid-deal tal-proġett tal-Windfarms li l-Enemalta xtrat fil-Montenegro. Kien sar magħruf li Fenech għamel profitt ta’ kważi €5 miljun wara li ffinanzja b’mod sigriet lil intermedjarju meta bigħ l-ishma tiegħu fil-proġett.
Fl-aħħar jiem, il-ġurnal Times of Malta żvela li l-investigazzjoni li saret mill-Enemalta sabet nuqqas fil-proċess ta’ due diligence fil-konfront tal-intermedjarju – il-kumpanija Cifidex, propjetà ta’ Turab Musayev, li kien ukoll parti mill-Konsorzju tal-Electrogas.
Ġimgħat biss wara li l-intermedjarju kien akkwista l-ishma fil-proġett minn konsorzju Spanjol għal anqas minn €3 miljun, f’Diċembru 2015, l-Enemalta xtrat l-istess ishma mill-intermedjarju għal aktar minn €10 miljun. Aktar tard, l-Enemalta għaddiet l-ishma lill-konsorzju stabbilit għall-proġett, li kien jinkludi lill-azzjonisti tal-Enemalta, Shanghai Electric.
Il-Windfarms fil-Montenegro kienu inawgurati f’Novembru 2019 mill-Prim Ministru Joseph Muscat waqt żjara li għamel fil-pajjiż. Il-Gvern Montenegrin kien ippubblika ritratt, li fih delegazzjoni tal-Gvern Malti segwiet il-bidu tal-operat.
Preżenti ma’ Muscat kien hemm ukoll l-eks Ministri Konrad Mizzi u Joe Mizzi. Iżda anke hawn, il-Ministru Miriam Dalli ħarbet milli twieġeb jekk, f’dan l-istadju, hux qed tiddiżassoċja ruħha minn Konrad Mizzi.
Sadanittant, il-Ministru lanqas ma wieġbet jekk hux se tkun qed tippubblika r-rapport tal-investigazzjoni interna. Minflok, hi baqgħet issostni li la r-rapport għadu għand il-Pulizija, żgur mhux se jkun ippubblikat.
Dan wara t-talba li saritilha mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija Ryan Callus.
//= $special ?>