Lokali Qorti

Iressaq appell minn sentenza ta’ tmien snin ħabs talli ġiegħel lil ibnu ta’ seba’ snin imur mal-prostituti

Pensjonant ta’ 65 sena mis-Siġġiewi appella minn sentenza ta’ tmien snin ħabs wara li nstab ħati li ġiegħel lil ibnu biex imur ma’ nisa li huma fil-prostituzzjoni. Il-Maġistrat Audrey Demicoli emmnet il-verżjoni taż żewġ prostituti li kienu huma li rrappurtaw il-każ lill-aġenzija għall-protezzjoni tat-tfal, Appoġġ.

Ir-raġel li għażel li ma jixhidx fil-proċeduri li bdew kontrih ħames snin ilu meta t-tifel kellu seba’ snin. Meta kien ġie arrestat fl-istqarrija huwa qal lill-Pulizija, u għadu jikkontendi sal-lum li l-prostituti mhumiex jgħidu l-verità.

Minn dak li ħareġ fil-każ l-akkużat allegatament għamel dak li għamel għax ma riedx lil ibnu li llum għandu 12-il sena ma jispiċċax isir omosesswali għax diġà kellu żewġ membri tal-familja omosesswali.

Il-missier kien iffissat ħafna fuq dan il-punt u dejjem beżgħan li dan jista’ jiġri peress li diġa hemm persuni fil-familja tiegħu li huma omosesswali u li skont hu joħroġ jixbaħ lilhom.

Skont il-Prosekuzzjoni t-tifel minkejja li għadda minn trawma jidher li issa jinsab tajjeb. Kien hemm żmien meta t-tifel spiċċa tant ‘brainwashed’ fejn kien jitkellem u jagħmel atti ta’ adult fejn jidħlu persunu tas-sess femminili

Ir-raġel kien qed jiġi akkużat ukoll li kien jieħu l-prostituti d-dar biex jaqsam esperjenzi sesswali ma ibnu. Ir-raġel kien tressaq mill-Ispetturi Joseph Busuttil u John Spiteri.

L-Ispettur Busuttil kien xehed li mara li kienet tgħix mal-akkużat kienet marret għand il-Pulizija u rrappurtat li kien se jeħodha l-Marsa għall-prostituzzjoni.

Hija kienet żvelat li kien se jġiegħelha wkoll tagħmel sess mat-tifel u kienet riedet tinvolvi lit-tifel f’atti sesswali ma’ gruppi flimkien ma’din il-mara. Il-Pulizij kienu tkellmu mat-tifel fil-preżenza ta ’social worker.

L-Ispettur Busuttil qal ukoll li matul dik il-konversazzjoni, it-tifel kien ta x’jifhem lill-Pulizija biex jemmnu li kien hemm ukoll kliem jew aħjar kodiċi miftehma bejn it-tifel u l-missier fuq diversi atti sesswali. Is-skiet tat-tifel kien inxtara bit-theddid li jekk huwa jikxef jispiċċa f’xi istituzzjoni.

L-Ispettur Spiteri kien xehed li waħda min-nisa kienet qaltlu li kien hemm żminijiet meta t-tifel ma kienx kapaċi jagħmel atti sesswali man-nisa, minħabba l-età tiegħu, bl-akkużat jgħajjar lit-tifel bi kliem diżpreġġattiv li jintuża fuq irġiel ta’ orjentazzjoni omosesswali. Kien ġiel anke jsawwtu b’wire tal-elettriku.  

Prostituti kienu qalu lill-Pulizija li l-missier kien anke jġiegħel lit-tifel jagħmel sess ma’ nisa oħra, li sussegwentement ikkonfermawha fil-Qorti. L-Ispettur qal ukoll li fil-preżenza tat-tifel kien ukoll ikun hemm abbuż mid-droga. It-tifel kien spiċċa taħt il-ħarsien tal-aġenzija Appoġġ, li kienu ħadu t-tifel taħt kustodja tagħhom.