Lokali Parlament

JINQABDU: Persuni li attendew laqgħa fil-Kwartieri Laburista qabel l-elezzjoni tpoġġew responsabbli mill-power station

Persuni li attendew laqgħa fil-Kwartier Laburista dwar l-enerġija qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 għażlu l-power station tal-kumpanija Electrogas wara li l-PL rebaħ l-elezzjoni ġenerali.

Dan irriżulta waqt laqgħa mqanqla tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li fiha kompla jixhed David Galea, uffiċjal ogħli tal-Enemalta li kien involut fis-settur tal-enerġija u tal-power station tal-Electrogas.

Hu qal li qabl l-elezzjoni tal-2013, Konrad Mizzi kien avviċinah biex jagħti xi ideat għall-Manifest Elettorali Laburista f’Novembru jew Diċembru 2012. Dan sar peress ta’ laqgħat li kellu miegħu biex Konrad Mizzi kien talbu xi ideat dwar l-enerġija. Konrad Mizzi kien qallu wkoll li kien interessat li jidħol fil-politika; il-laqgħat kienu jsiru f’ristorant.

Hu qal li kien mar darba l-Kwartieri tal-PL bejn Jannar u Marzu qabel l-elezzjoni tal-2013. Konrad Mizzi kien qalli biex niġi għal din il-laqgħa fejn kien hemm nies oħra li taw xi ideat, sostna David Galea, li kompla li kien hemm Edward Scicluna fost oħrajn. Hu qal li ma jidhirlux li ra lil Joseph Muscat u lil Keith Schembri f’din il-laqgħa teknika.

Ix-xhud qal li hu kien ikkontribwixxa għall-preżentazzjoni tal-proposti Laburisti dwar is-settur tal-enerġija. Il-preżentazzjoni saret fid-9 ta’ Jannar 2013.

DNV Kema huma konsulenti li jispeċjalizza fuq l-enerġija u gass u David Galea ltaqa’ magħhom. Hawn ix-xhud ftakar li fil-laqgħa tal-PL kien hemm xi ħadd minn DNV Kema. Ir-rappreżentant kien Ingliż bl-isem Thomas Leonard; dan kien jattendi wkoll il-laqgħat tal-proċess tal-għażla tal-power station.

Beppe Fenech Adami qal li dan jikkonferma li l-grupp ta’ nies li qabel l-elezzjoni kienu jiltaqgħu fil-Kwartier Ġenerali tal-PL dwar l-enerġija, spiċċa fil-bordijiet tal-għażla ta’ aspetti tas-settur tal-enerġija.

Ix-xhud qal li fil-laqgħat kien involut ukoll John Dean minn DNV Kema u aktar tard kien hemm numru ta’ nies oħra. Mistoqsi dwar Keith Schembri, li kien tpoġġa minn Joseph Muscat responsabbli mill-politika tal-PL dwar l-enerġija, ix-xhud qal li dakinhar tal-laqgħa hu ra lil Keith Schembri fil-bini tal-Kwartier Ġenerali Laburista. Jirriżulta li fl-Enemalta hu kien responsabbli mir-riżorsi umani iżda iktar tard sar il-persuna responsabbli mill-proġett tal-Electrogas, anki jekk ma kellux l-esperjenza neċessarja.

David Galea kompla li ma’ Thomas Leonard kien iltaqa’ l-ewwel darba fil-alqgħa tal-Kwartier Ġenerali. Hu qal li ma jafx li kien hemm kuntratt bejn il-PL u DNV Kema iżda jimmaġina li Thomas Leonard kien jagħti l-pariri. Fit-18 ta’ April 2013 fil-Bord ittellgħet il-proposta ta’ DNV Kema; dan kien ftit ġimgħat wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013 li rebaħ il-PL. Ix-xhud qal li l-proposta kienet fil-forma ta’ letter of engagment biex jibda x-xogħol u sostna li ma jafx min ġab lil DNV Kema quddiem il-Bord.

David Galea kompla li kien tkellem ma’ Louis Giordimaina u miegħu tkellem dwar il-proġett tal-power station. Hu xehed li lill-Awditur Ġenerali ma qallux li kien attenda l-laqgħa fil-Kwartier Ġenerali Laburista għax “ma kienitx importanti”.

Ix-xhud qal li ma jeskludix li kien Konrad Mizzi li ssuġġerixxa l-lista tal-persuni fil-Bord ta’ Evalwazzjoni dwar il-proġett iżda ħadd ma kien ippreżenta lista lest; kien hemm diskussjoni. Hu kompla li lil John Dean bgħatuh DNV Kema biex ikun fil-Bord u qal li ma jafx li Sven Lataire kien ġie Malta għax kellu kuntatt mal-PL. Sven Lataire hu speċjalista fl-LGN u fix-shipping, sostna x-xhud, li kompla li Nexia BT kienu involuti fil-Bord wara li kienu pproponuti mill-Enemalta.

David Galea qal li kien għamel proposta lil Tumas Group u fl-2018 kien avviċinat biex jagħmel xogħol dwar review tal-operat tal-gaming. Hu sostna li “wara li kien għadda kollox” u ftit wara li ħareġ ir-rapport tal-Awditur u hu għamel il-kummenti dwarhom, Yorgen Fenech kien kellmu dwar dan fl-2018. Ix-xhud qal li kien li hu li mar għand Yorgen Fenech bil-proposta tiegħu dwar il-gaming.

Hu qal li kien jaf lil Yorgen Fenech meta bdew jiddiskutu l-kuntratti u sostna li ma kellux problema ta’ etika li kellem lil Yorgen Fenech.

Għall-Gvern ipparteċipaw il-Whip Laburista Glenn Bedingfield, is-Segretarju Parlamenari Alex Muscat u d-deputati Laburisti Jean Claude Micallef u Ian Castaldi Paris waqt li għall-Oppożizzjoni ipparteċipaw id-deputati Nazzjonalisti Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina u Ryan Callus.