Lokali

Kjuwijiet fl-ARMS – konsumaturi bil-pannelli qed imorru minn taħt

Minkejja d-diversi skemi u inċentivi sabiex in-nies jinvestu fil-pannelli fotovoltajiċi, dan kollu qed jisfuma fix-xejn għaliex nies li għandhom il-pannelli biex jieħdu l-enerġija mix-xemx, xorta qed jispiċċaw b’kontijiet tal-elettriku li huma għoljin.

Kjuwijiet kienu osservati matul din il-ġimgħa fil-bini tal-ARMS fil-Blata l-Bajda hekk kif ħafna konsumaturi ilmentaw minnhabba d-differenza fir-rati…. u dan minkejja l-investiment ta’ mijiet jekk mhux eluf ta’ ewro fil-pannelli.

Kien propju l-Hadd meta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ħabbar proposta tal-PN biex persuna li tbigħ l-enerġija ġġenerata minn pannelli jew sorsi oħrajn titħallas l-istess prezz għal kull unit daqskemm l-ARMS tbigħ il-units.

Din hi proposta oħra tal-Partit Nazzjonalista, fl-impenn tiegħu bħala parti minn strateġija ħolistika li qed tkompli turi d-differenza kbira bejn il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista u l-politika tal-Gvern Laburista, li hi marbuta b’mażra ma’ kuntratti vvizzjati.

Għal darb’oħra hu l-Partit Nazzjonalista li qed joffri soluzzjonijiet għall-enerġija hekk kif il-pajjiż għadu dipendenti fuq l-interconnector filwaqt li kienu wkoll Gvernijiet Nazzjonalisti li kienu introduċew inċentivi sabiex persuni li jinvestu f’pannelli fotovoltajċi ikunu jistgħu ibiegħu l-enerġija ġġenerata lill-Enemalta.

Iżda malli skadew l-aħħar kuntratti, is-sidien tal-pannelli spiccaw jitħallsu ferm inqas tal-enerġija iġġenerata, tant li issa qed imorru minn taħt.

Min-naħa l-oħra, Gvern Laburista għabba lill-pajjiż bi proġett mifni b’irregolaritajiet, li bih il-poplu qed ikollu jixtri l-elettriku bil-għoli meta mqabbel mal-interconnector u li tilef l-opportunita’ li jikseb fondi Ewropej għall-pipeline tal-gass li kien ifisser it-tneħħija darba għal dejjem tat-tanker f’nofs il-bajja ta’ Marsaxlokk.