Lokali Qorti

Kundanna ta’ ħabs oħra fuq serq bil-Qorti tordna t-tkomplija ta’ programm kontra d-droga

Raġel ta’ 47 sena bi problema akuta ta’ droga u li m’ghandux post fejn joqgħod u li anke għamel ukoll perjodu residenti fl-Isptar Mount Carmel ġie kundannat sentenza oħra ta’ ħabs wara li ammetta li fis-sajf tal-2018 ikkommetta ‘hold-up’ minn ħanut tal-mobiles f’Bormla. Fuq dan il-każ huwa ġie kundannat 30 xahar ħabs.

Il-każ kien seħħ fis-17 ta’ Awwissu bl-akkużat, Pier Paul Buttigieg, jammetti l-akkużi miġjubin kontrih kif għamel f’każijiet oħrajn preċedenti. Il-Qorti ordnat li Buttigieg ikompli jiġi segwit minn professjonisti li għandhom iressquh lejn pjan ta’ rijabilitazzjoni.

Huwa ammetta wkoll quddiem il-Maġistrat Monica Vella li daħal fil-ħanut armat b’mus u seraq €1,200 fil-flus kontanti għad-dannu ta’ sid il-ħanut, liema serq huwa aggravat bil-vjolenza.

Ammetta li fl-istess data, post u ċirkostanzi kkagunha biża’ li kienet se tintuża vjolenza kontra persuna li kienet fil-ħanut u li sar reċidiv. L-istess Qorti qalet li permezz tas-sentenza tagħha mogħtija fil-21 ta’ Novembru 2018, hija kienet poggiet lill-imputat taħt Ordni ta’ Probation għal żmien tliet snin.

Mix-xhieda tal-Uffiċjal tal-Probation, li ma ġiet bl-ebda mod kontestata, irriżulta li Buttigieg ma żammx l-appuntamenti mal-istess miegħu, u illi l-kampjuni li ttieħdu lill-imputat fl-unika żewġ appuntamenti illi żamm kienu t-tnejn pożittivi ghad-droga.

Mill-atti proċesswali jirriżulta wkoll illi l-imputat ma setax jinstab sabiex jiġi notifikat, u gie notifikat biss wara li tressaq il-Qorti fuq każ ieħor u nżamm taħt arrest u għalhekk seta’ jiġi notifikat b’dawn il-proċeduri.

Għalhekk qalet il-Qorti jirriżulta li l-imputat ma onorax l-obbligi tiegħu taht is-sentenza msemmija u ma ħarisx l-Ordni ta’ Probation maħruġa fil-konfront tiegħu.

Ghal dawn ir-ragunijiet il-Qorti qalet li wara li kkunsidrat l-ammissjoni bikrija tiegħu, u n-natura u tal-gravità tal-akkużi miġjubin kontrih ikkundannatu kumplessivament għal perjodu ta’ 30 xahar priġunerija, li minnhom għandhom jitnaqqsu t-18-il xahar ħabs skontati taħt is-sentenza preċedenti.

Saret ukoll rakkomandazzjoni lill-awtoritajiet tal-Facilità Korrettiva ta’ Kordin lill-imputat għandu jiġi segwit minn tim professjonali li, wara li jagħmlu evalwazzjoni idoneja tiegħu, għandhom iħejju pjan sabiex jingħata l-għajnuna kollha meħtiega sabiex jirrijabilità ruħu mill-problemi li jirriżulta li għandu, inkluż billi jsegwi u jtemm programm għar-rijabilitazzjoni mill-abbuż tad-droga.

Il-Qorti ordnat ukoll il-ħruġ kontra l-imputat ta’ ordni ta’ protezzjoni għall-perjodu ta’ tliet snin biex tipprovdi għas-sigurtà u l-protezzjoni ta’ żewġ tfajliet li ffaċċaw lill-imputat waqt il-‘hold-up’.

Dan bil-kundizzjoni li ma jkunxu ta’ fastidju jew imġieba li tikkaġuna biża’ ta’ vjolenza b’daqstant u li bl-ebda mod m’għandu javviċinahom, isegwi l-movimenti tagħhomn jew b’xi mod jimmolestahom.

Il-Qorti rabtet lill-imputat b’obbligazzjoni tiegħu nnifsu favur persuni taħt penali ta’ €2,300. Il-Qorti ordnatlu wkoll li jrodd lura s-somma miusruqa ta’ €1,200 fi żmien sitt xhur wara li jiskonta s-sentenza.

Huwa ġie kundannat ukoll għall-ħlas tal-ispejjeż kollha tal-esperti maħtura fl-inkjesta relattiva għal dan il-każ. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christabelle Chetcuti.