Futbol Sport

L-MFA tniedi uffiċjalment l-istrateġija għall-futur

Permezz ta’ filmat fuq il-paġna uffiċjali ta’ Facebook, l-MFA nediet uffiċjalment l-ewwel strateġija tagħha, liema strateġija għandha sservi bħala bażi biex il-logħba tal-futbol f’Malta tikber fil-kwalità f’kull livell.

Dan il-pjan huwa mibni fuq erba’ oqsma bl-għanijiet prinċipali tiegħu mistennija jintlaħqu sal-2024. Il-miri ta’ dan il-pjan huma, li jkun hemm impenn akbar favur l-iżvilupp tekniku u nfrastrutturali, tkabbir u sostenn fl-operat tal-klabb -protezzjoni b’qafas legali, tkabbir tal-valur kummerċjali tal-Assoċjazzjoni u l-kompetizzjonijiet domestiċi kif ukoll titjib fil-governanza b’enfasi fuq l-aspetti ta’ diliġenza u tal-integrità.

Dan il-pjan strateġiku huwa msejjes fuq id-dokument ippreżentat mill-President tal-MFA Bjorn Vassallo fl-2019 u approvat mill-Kumitat Eżekuttiv bl-isem ta’ ‘Vision 2027’

Vassallo qal li l-Assoċjazzjoni trid tkompli ssaħħaħ l-investiment biex tibni fondazzjoni aktar b’saħħitha fejn il-prijorità dejjem tkun l-iżvilupp u s-sostenibbilità tal-futbol Malti f’kull livell.

“L-objettivi u l-proġetti li qed nipproponu f’dan il-pjan strateġiku huma ambizzjużi iżda rejalistiċi u jistgħu jiġu mwettqa, xprunati mid-determinazzjoni u l-konvinzjoni li nistgħu ntejbu l-prestazzjoni tagħna f’kull settur.” żied jgħid Vassallo.

L-istrateġija għandha l-għan li sal-2024 tilħaq dawn il-miri:

• Investiment fiċ-Ċentru Tekniku bl-implimentazzjoni ta’ filosofija unika ta’ logħob għat timijiet nazzjonali kollha; 

• Investiment fi proġetti kapitali fil-pjan ta’ infrastruttura aħjar li jinkludu Ta’ Qali u l faċilitajiet tal-klabbs membri; 

• It-tnedija tal-ewwel proġetti mill-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol; 

• Il-mira li nospitaw avveniment/kompetizzjoni maġġuri nternazzjonali – l-MFA diġà ppreżentat applikazzjoni biex tospita l-Kampjonat Ewropew ta’ taħt id-19-il sena tal-UEFA fl 2023/24;

• Insaħħu l-aspett kummerċjali tal-Assoċjazzjoni billi nfittxu niċċeċ ġodda u ntejbu  għoddod eżistenti bħal m’huma t-turiżmu sportiv u l-esports; 

• Titjib fil-governanza tal-Assoċjazzjoni b’riformi estensivi li jinkludu r-reviżjoni tal-istatut,  separazzjoni tal-poteri, liċenzjar tal-klabbs u ristrutturar korporattiv; 

• Intejbu s-servizz lill-komunità tal-futbol fil-qafas diġitali u dak innovattiv; 

• Ngħollu l-livell tal-kompetizzjonijiet domestiċi. 

AGĦFAS FIL-LINK BIEX TNIŻŻEL ID-DOKUMENT TAL-ISTRATEĠIJA: https://info.mfa.com.mt/resources/MaltaFA%20Strategy%202020-24.pdf