Illejla, fid-9pm jixxandar l-aħħar ‘Strada San Paolo’ fuq Facebook, bis-seħem tal-Arċisqof Scicluna u l-Arċipriet Cilia fost l-oħrajn
Illejla fid-9pm, f’xandira Premiere fuq il-paġna tal-Għaqda tal-Pawlini tal-Belt Valletta fuq Facebook, se jkun qed jitwassal l-aħħar programm minn skeda speċjali ta’ ħames programmi bl-isem ta’ ‘Strada San Paolo’. Dan il-programm awdo-viżwali ta’ madwar 30 minuta kull darba, kien inizjattiva ġdida u mhux tas-soltu, bil-ħsieb li l-Pawlini u dawk kollha li għandhom għal qalbhom din il-festa nazzjonali tal-10 ta’ Frar, jgħixu xorta waħda l-emozzjonijiet, l-esperjenzi u t-tifkiriet sbieħ ta’ din il-festa tant popolari mal-Maltin u l-Għawdxin.
Fi ‘Strada San Paolo’ tal-lejla, dak tal-lejliet il-festa, il-mistiedna, f’studio li kien armat apposta fil-Knisja ta’ San Pawl fil-Belt Valletta, se jkunu l-Arċipriet ta’ din il-Parroċa, Dun David John Cilia, flimkien mal-President u s-Segretarju tal-Għaqda tal-Pawlini, Mario Cassar u Douglas Mifsud. Bi presentazzjoni ta’ Christian Micallef, f”Strada San Paolo’ tal-lejla se jkun qed jixxandar ukoll messaġġ speċjali, u apposta għal din il-festa ta’ għada, mill-Arċisqof Charles Scicluna, kif ukoll servizzi oħra ta’ interess, kemm dwar il-wirt imprezzabli li għandha l-Knisja nnifisha ta’ San Pawl, kif ukoll servizz bil-mumenti s-sbieħ li offriet din il-festa fl-2020, xahar biss qabel ma faqgħet il-pandemija tal-COVID-19 f’Malta.
Il-programm tal-lejla, ‘Strada San Paolo’, ta’ lejliet il-festa tistgħu ssegwuħ billi tagħfas hawn, f’xandira Premiere, fid-9pm.
L-idea ta’ ‘Strada San Paolo’ mill-Pawlini Beltin kienet segwita ħafna f’dawn l-aħħar jiem, u kienu ħafna li kkumentaw fuq il-mod innovattiv iżda fuq kollox professjonali, li grupp ta’ voluntiera u partitarji tal-festa, irnexxilhom joħolqu kunċett li permezz tiegħu ħolqu l-atmosfera ta’ festa minkejja l-limitazzjonijiet li għandha din l-istess festa din is-sena.
Serata mużiko-letterarja suċċess dwar il-vjaġġ ta’ San Pawl lejn Malta
Intant il-bieraħ filgħaxija, l-Għaqda tal-Pawlini organizzaw serata mużiko-letterarja bl-isem ta’ ‘Tifkiriet’, liema serata kienet waħda unika, b’attendenza li laħqet il-massimu tal-postijiet li kienu disponibbli minħabba ċ-ċirkostanzi li qed ngħixu fihom, filwaqt li kien hemm udjenza oħra akbar li segwew din l-istess serata f’xandira diretta permezz tal-paġna tal-Għaqda tal-Pawlini.
Matul din is-serata, li saret fil-Knisja, kien hemm il-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ membri Pawlini kif ukoll is-sehem tal-kantanta Laura Bruno, il-qarrejja Ruth Bonello, Stephanie Apap u Edward Bonello, is-sehem mużikali tal-Valletta Ensemble taħt id-direzzjoni ta’ Valhmor Montfort u l-preżentazzjoni ta’ Christian Micallef.
Biex tara din is-serata, mużiko-letterarja ‘Tifkiriet’ għafas hawn.
Għada, f’jum il-festa, Net Television b’xandiriet speċjali ta’ ‘Forċina’
Għada, f’jum il-festa ta’ San Pawl, Net Television se jerġa’ jagħti l-istess servizz kif dejjem ta fl-aħħar snin f’nhar din il-festa nazzjonali, billi fid-9:30am, f’xandira diretta mill-Knisja ta’ San Pawl fil-Belt Valletta, jixxandar il-Pontifikal li se jitmexxa mill-Arċisqof Scicluna. Filgħaxija, minkejja li mhux se jkun hemm ebda attività esterna, Net Television se jkun qed iwassal edizzjoni speċjali tal-programm popolari ‘Forċina’, li jibda fis-6:10pm. Matul dan il-programm se jitwasslu filmati mill-festi preċidenti ta’ San Pawl.
//= $special ?>