Atletika Sport

Riżultati mill-aqwa mill-atleti fit-tħejjija għall-Kampjonati tax-Xitwa

(Ritratt: Reuben Zarb)

Fl-aħħar avveniment organizzat minn Athletics Malta bi tħejjija għall-Kampjonati Nazzjonali tax-Xitwa, fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet bosta atleti kisbu riżultati mill-aqwa fit-tielet pre-season meeting li sar fit-trakka tal-Marsa.

Lisa Bezzina kisbet post fil-Kampjonati tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Atletika (CSSE) b’ħin mill-aqwa ta’ 9.56.82 fit-3000 metru tan-nisa u fuq

F’ġirja perfetta mill-bidu sal-aħħar, Bezzina, atleta ta’ Pembroke, għelbet l-isfida ta’ Mona Lisa Camilleri (As Libertas), prestazzjoni li fissritilha wkoll rekord fil-kategorija tan-Nisa O/40. Hija se tkun qed tirrappreżenta lill-pajjiżna f’Serravalle, f’San Marino.

Fuq l-istess distanza, l-isfida bejn l-irġiel ukoll kienet waħda interessanti bejn Charlton Debono u Luke Micallef, b’Debono jirreġistra ħin ta’ 8.37.67, seba’ sekondi biss bogħod mill-ħin meħtieġ biex jikkwalifika għall-istess kompetizzjoni. Dillon Cassar prefera d-distanza itwal tal-5000 metru u rreġistra rebħa komda b’ħin ta’ 15.15.

Omar El Aida Chaffey (Starmax AC) irritorna bis-saħħa minn injury li kellu b’ħin ta’ 6.94s fis-60m sprint, filwaqt li Carla Scicluna (Pembroke Athlete) rreġistrat 7.74s. Iż-żewġ atleti kellhom riħ kontra ta’ -0.5 u -1.0 rispettivament, u jinsabu fit-triq it-tajba biex f’kundizzjonijiet tajbina jiksbu ħin li jiggarantilhom post fil-Kampjonati Ewropej Indoor.

Luke Farrugia ta’ Rush AC kellu prestazzjoni impressjonanti fid-discus, fejn wasal nofs metru bogħod mir-rekord nazzjonali. Fil-hammer throw, Antonella Chouhal (Rush AC) kellha tefgħa ta’ 44.25m, filwaqt li ċċaħdet minn riżultat aqwa meta misset iċ-ċirku bi ftit. 

Anke l-atleti żgħażagħ qamu għall-okkażjoni, b’numru ta’ riżultati tajbin. Nicolai Bonello ta’ La Salle kiseb rekord ta’ 3.70m fl-Under 18 fil-pole vault. Kyla Farrugia, U/18 ukoll, (St. Patricks) ġriet ħin mhux uffiċjali ta’ 7.39.00 fil-2000m steeplechase. Julian Zarb (La Salle AC) kiser b’żewġ sekondi r-rekord tal-U16 fit-3000 metru meta temm f’ħin ta’ 9.46.79.

Il-President ta’ Athletics Malta Andy Grech innota l-parteċipazzjoni b’saħħitha ta’ uffiċjali u voluntiera fejn qal li mhuwiex biżżejjed li dawn jiżdiedu biss fin-numru iżda huwa importanti li jkollhom ukoll t-taħriġ meħtieġ. Huwa ħabbar li Athletics Malta fi ħsiebha tistabbilixxi sotto-kumitat li jiffoka fuq l-aspett edukattiv tal-isport, bl-għan ewlieni li jiggwida lill-uffiċjali u l-kowċis biex itejbu l-għarfien tagħhom fis-settur tal-atletika

Delegazzjoni Maltija għal Sofija għal-Logħob tal-Balkani ta’ taħt l-20 sena

Athletics Malta ħabbret li kontinġent Malti ffurmat mill-aqwa atleti ta’ taħt l-20 sena, Kurt Zahra, David Borg, Martha Spiteri, Sarah Chouhal, Kyla Farrugia u Rachela Pace din il-ġimgħa sejrin Sofia, fil-Bulgarija, biex jieħdu sehem fil-Logħob tal-Balkani ta’ taħt l-20 sena indoor. 

Huma se jkunu akkumpanjati mill-kowċ Jivko Jetchev, kif ukoll mill-President u s-Segretarju Ġenerali ta’ Athletics Malta Andy Grech u Aldrin Cassar. Hu mistenni li Grech jiltaqa’ ma’ Dobromir Karamarinov, li fil-preżent huwa l-President tal-Federazzjoni Balkanika kif ukoll, temporanjament, ta’ European Athletics, biex jiddiskutu sħubija bejn Malta u r-reġjun tal-Balkani.