It-tieni proċess ta’ impeachment għall-eks President Amerikan Donald Trump mistenni jibda minn ħin għall-ieħor, meta l-mexxejja tas-Senat f’Washington iridu jaqblu dwar il-programm relatat bil-ħsieb li jikkonkludu l-proċess mill-aktar fis possibbli.
Donald Trump qed ikun akkużat ‘b’inċitament għal rewwixta’ wara li hu, fil-bidu tas-sena, kien għamel diskors aggressiv fejn ħeġġeġ lis-sostenituri tiegħu biex ‘jiġġieldu għalih ( bħala President) – u bir-riżultat li seħħ l-irvell vjolenti tas-6 ta’ Jannar f’Washington li sewa l-ħajja ta’ ħamsa, fosthom pulizija.
Id-Demokratiċi fil-Gvern qed jgħidu li għandhom ‘provi konkreti’ dwar il-ħtija ta’ Trump – waqt li l-avukati li qed jirrappreżentaw lill-eks President qed jinsistu li n-nies li rvellaw fil-kapitali ‘aġixxew skont il-volontà tagħhom’. L-istess avukati qalu li l-proċess ta’ Trump ‘imur kontra l-kostituzzjoni’ u fl-aħħar sigħat kienu għaddejjin l-argumenti dwar il-kunċett legali tal-impeachment.
Donald Trump hu l-uniku (illum eks) President Amerikan fl-istorja li jrid jgħaddi darbtejn minn proċess ta’ impeachment.
Jekk jinstab ħati mill-akkużi miġjuba kontra tiegħu, hu jista’ ikun ipprojbit milli jaqdi funzjoni pubblika oħra tul ħajtu. Madankollu il-verdett ta’ ħtija, f’dan il-każ, ikun jirrikjedi vot ‘favur’ mingħand żewġ-terzi tal-membri tas-Senat magħmul minn 100 senatur.
Dan ukoll meta d-Demokratiċi jikkontrollaw 50 siġġu fl-assemblea waqt li hemm ftit sinjali li l-membri Repubblikani se jaslu biex jivvutaw kontra Trump.
Fi stqarrija li ħarġu qabel il-bidu tal-proċess, l-avukati ta’ Trump sostnew li l-proċess inkwistjoni jmur kontra l-Kostituzzjoni Amerikana għaliex Donald Trump illum spiċċa minn President u sar mill-ġdid ċittadin privat.
Sadanittant, id-disa’ ‘impeachment managers’ – f’dan il-każ membri Demokratiċi tal-Kamra tar-Rappreżentanti Amerikana li preżentaw il-każ għall-prosekuzzjoni –ikkuntestaw l-argument tal-avukati ta’ Trump. L-‘impeachment managers’, fil-fatt, qed jinsistu li Trump għandu jinżamm responsabbli għall-azzjonijiet ‘inaċċettabbli’ tiegħu bħala President tal-Istati Uniti.
Il-kwistjoni ‘kostituzzjonali’, bħalissa, għaddejja minnn dibattitu fost l-istennija għal vot li jiddeċiedi l-mod kif jitmexxa l-proċess.
//= $special ?>