Tnejn mill-erba’ akkużati mixlija bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace fit-2 ta’ Marzu li għadda ddeċidew li l-każ tagħhom imur ġuri u għalhekk issa l-każ tagħhom mhux se jiġi ġġudikat mill-Qorti tal-Maġistrati.
Ludwig Dimech ta’ 38 sena minn Ħaż-Żebbuġ li kien il-kuntrattur u Nicholas Spiteri ta’ 43 sena mill-Imqabba li kien qed jaħdem fis-sit li fih seħħ l-inċident, infurmaw lill-Qorti li kienu qed iressqu oġġezzjoni skont il-liġi biex issa l-każ tagħhom jiġi deċiż minn ġurija fil-Qorti Kriminali.
Il-ġuri skont il-liġi jrid jiġi appuntat meta jintemm il-każ fil-konfront taż-żewġ Periti, akkużati wkoll bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace, Roderick Camilleri ta’ 37 sena mir-Rabat u Anthony Mangion ta’ 73 sena mill-Gżira.
Camilleri kien il-Perit tal-proġett fis-sit biswit id-dar ta’ Miriam Pace, mentri Mangion kien is-Site Technical Officer tal-istess proġett . Il-każ tal-Periti se jkompli jinstema’ quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, fejn huwa se jiġġudika l-każ sa tmiemu.
Meta kompliet il-kumpilazzjoni xehed Martin Saliba, Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar li qal li l-avviż biex jinbeda x-xogħol daħlet fi Frar, bix-xogħol jinbeda xahar qabel dak stipulat.
Qal ukoll li dwar il-proġett ġew ‘uploaded’ xi dokumenti minn dawk li kellhom x’jaqsamu mal-proġett, fosthom garanzija bankarja li ttellgħet dak inhar tal-inċident.
Xehdu wkoll l-uffiċjali tal-Pulizija Abigail Grech u Martin Saliba li ppreżentaw lill-Qorti diversi dvd’s dwar dak kollu li sar fil-post waqt l-investigazzjoni tal-Pulizija, fejn hemm tpoġġiet camera l-ħin kollu.
L-erbgħa rġiel qegħdin jiġu mixlijin li fit-2 ta’ Marzu tal-2020, għall-ħabta tas-2.20 p.m. fis-sit li jinsab bejn Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun u Triq Antonio Miruzzi f’Santa Venera, bi traskuraġni ikkaġunaw il-mewt ta’ Pace li kellha 54 sena.
Huma qed jiġu akkużati ukoll li fl-istess jum, u fil-ġimgħat ta’ qabel, ikkaġunaw ħsara fil-proprjeta tal-istess vittma u ta’ żewġha Carmel kif ukoll f’dawk ta’ David Zerafa, Rosaria Zerafa, John Sammut, Grace Sammut, Joseph Sammut u tal-kumpanija Edu Centre Limited.
Iż-żewġ Periti u Dimech qed jiġu mixlijin ukoll li għamlu dikjarazzjoni falza f’dokument maħsub għal awtorita pubblika, l-istess żewġ periti u Spiteri li anke naqsu milli joservaw dikjarazzjoni tal-metodu relatat max-xogħol li kien għaddej mentri l-Perit
Mangion waħdu qed jiġi mixli wkoll li naqas li jkun preżenti fuq is-sit meta kienu qed jittieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw ir-riskju dwar ħsara lil terzi persuni. Huma qed iwieġbu mhux ħatja ta’ dawn l-akkużi li dwarhom kienu qed jiffaċċjaw piena ta’ ħabs ta’ mhux aktar minn erba’ snin.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Robert Vella u l-Ispettur Matthew Galea li investigaw il-każ. l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għal Nicholas Spiteri filwaqt li għal Dimech qed jidhru l-Avukati Michael Sciriha, Roberto Montalto u Franco Galea.
Għall-Perit Camilleri qed jidher l-Avukat Arthur Azzopardi u l-Perit Mangion għandu jiddeffendih lill-Avukat Alfred Abela. L-Avukati Joe Giglio u David Bonello qegħdin jidhru għall-familja Pace. Il-kumpilazzjoni tkompli nhar it-Tnejn, 22 ta’ Frar li ġej fid-9.00a.m.
//= $special ?>