Coronavirus Lokali Saħħa

167 każ ġdid ta’ COVID-19

Jitilfu ħajjithom żewġ persuni

Fl-aħħar 24 siegħa pajjiżna rreġistra 167 każ ġdid ta’ COVID-19 filwaqt li fiequ mill-virus 165 persuna. Dawn in-numri joħorġu minn fost 2,217 swab test, numru ta’ testijiet li jikkunrasta ferm mal-iswab tests li kienu qed isiru fl-aħħar ġranet.

Filfatt, meta pajjiżna kien rreġistra aktar minn 200 każ tal-virus matul il-ġurnata tat-Tlieta, il-każi kienu ħarġu minn fost iktar minn 3,000 swab. Dan ifisser li n-numri tal-aħħar sigħat ħarġu minn fost tnaqqis ta’ madwar 800 swab test.

L-aħħar numri tal-Coronavirus f’Malta u f’Għawdex ifissru li fl-aħħar 5 t’ijiem f’pajjiżna kienu rreġistrati 740 każ ġdid filwaqt li tilfu ħajjithom 9 persuni.

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar ukoll li fl-aħħar sigħat, l-imwiet kawża tal-Coronavirus żdiedu għal 286. Dan meta tilfu ħajjithom żewġ persuni oħra; raġel ta’ 78 sena u mara ta’ 82 sena – it-tnejn mietu fl-Isptar Mater Dei.

Dan ifisser li l-każi attivi baqgħu kif kienu lbieraħ biex b’hekk bħalissa f’pajjiżna hawn 2,406 każ attiv tal-COVID-19. Minn Marzu tal-2020 pajjiżna ra total ta’ 19,182 każ tal-virus, li minnhom fiequ 16,490.

L-aħħar statistika ppublikata mill-Awtoritajiet tas-Saħħa fuq Facebook turi li fl-aħħar 24 siegħa ngħataw madwar 2,000 doża tal-vaċċin li jtellgħu l-ammont totali ta’ dożi għal 43,337. Minn dawn, 12,135 biss ħadu ż-żewġ dożi u allura jistgħu jiġu kkunsidrati mlaqqma b’mod sħiħ għall-kontra l-Coronavirus ftit iktar minn 12,000 persuna f’Malta u f’Għawdex.