Futbol Sport

Aktar tibdil fost il-partiti mill-kompetizzjonijiet Ewropej

Wara li l-ġimgħa l-oħra il-UEFA ħabbret li l-partita bejn Leipzig u Liverpool se ssir f’Budapest, din il-ġimgħa ħabbret aktar tibdil fil-partiti minħabba ir-restrizzjonijiet tal-pandemija f’diversi pajjiżi.

Mill-UEFA Champions League il-partita bejn Chelsea u Atletico Madrid li kienet skedata li tintlagħab f’Madrid fi Spanja, issa se tintlagħab fl-Arena Nationala f’Bucharest, ir-Rumanija.

Il-partita mill-UEFA Europa League bejn Benfica u Arsenal ġiet skedata sabiex tintlagħab fl-iStadio Olimpico f’Ruma minflokk fil-Portugal. Tim ieħor Ingliż milqut minn dan it-tibdil huwa Manchester United fejn l-Allianz Stadium f’Turin se jospita il-logħba li jmisshom kontra Real Sociedad.

Dawn it-tibdiliet saru minħabba li lbieraħ Spanja issospendiet it-titjiriet minn l-Ingilterra, il-Brażil u l-Afrika t’isfel sabiex tikkontrolla l-imxija tal-varjanti l-ġodda li qed jinferxu f’dawn il-pajjiżi.

Dan filwaqt li l-Ingilterra qiegħda tħalli biss persuni li għandhom bżonn jivvjaġġaw għal bżonn sabiex jidħlu u joħorġu mill-Portugal għall-Ingilterra.