Lokali Qorti

Biegħ id-droga lil persuna li spiċċa għamel suwiċidju

Mohamed Toungaza ta’ 40 sena mill-Gambja li joqgħod iż-Żebbuġ Għawdex kien ikkundannat sentejn ħabs wara li ammetta li ttraffika d-droga kannabis lil persuni vulnerabbli, u li wieħed minnhom spiċċa biex wettaq suwiċidju.

Huwa ammetta wkoll li kien fil-pussess tad-droga kannabis f’każ li jmur lura għall-1 ta’ Ottubru 2020. Huwa kien ittraffika d-droga, f’ammonti żgħar, iżda lill-persuni vulnerabbli fejn mhux biss wieħed minnhom spiċċa biex għamel suwiċidju, iżda kien hemm persuna oħra li ħadilha d-droga waqt li kienet għall-kenn f’Dar Emmaus.

Il-Maġistrat Joe Mifsud ikkunsidra diversi fatturi qabel ma ta s-sentenza fosthom il-kondotta netta tiegħu, kif ukoll li l-ammissjoni tiegħu ma kinitx waħda bikrija. Fuq l-ammissjoni tiegħu ġie kkundannat sentejn ħabs u multa ta’ €500. Il-Qorti ordnat ukoll li kif il-ħati jiskonta s-sentenza, jintbagħat lura lejn il-Gambja.

Il-Qorti ordnat ukoll lill-imputat iħallas lir-Reġistratur tal-Qorti s-somma ta’ €1327.10 bħala spejjeż Peritali kif ukoll id-distruzzjoni tad-droga u l-affarijiet relatati.

Finalment il-Qorti ordnat lill-Uffiċċjal Prinċipali tal-Immigrazzjonibiex b’kollaborazzjoni mad-Direttur tal-Facilità Korrettiva ta’ Kordin jattwa dak li jipprovdi l-Att tal-Immigrazzjoni biex x’ħin il-ħati jiskonta s-sentenza jintbagħat lura l-Gambia. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.