Internazzjonali

Covid-19: Von der Leyen tammetti għal nuqqasijiet fil-programm tal-vaċċini għall-Ewropa

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, ammettiet li l-Unjoni Ewropea ‘tnikkret’ fl-impenji lejn l-awtorizzazzjoni tal-vaċċini tal-Covid-19 għaċ-ċittadini tal-pajjiżi-membri. Fl-istess ħin, von der Leyen qalet li l-Unjoni għadha ma laħqitx it-tragwardi li tixtieq f’dak li għandu x’jaqsam mal- programmi tat-tilqim, fid-dawl ta’ din il-pandemija.

Ursula von der Leyen irrikonoxxiet ‘in-nuqqasijiet’ fir-reazzjoni tal-Kummissjoni għall-kriżi tas-saħħa waqt diskors li hi għamlet lill-Parlament Ewropew fi Brussell. Dan meta hi faċċjat il-kritika mingħand id-deputati tal-istess Parlament Ewropew dwar il-mod kif l-UE ħadet ħsieb il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l-coronavirus.

Madankollu, von der Leyen kompliet tinsisti li d-deċiżjoni biex ikunu ordnati l-vaċċini bħala impenn ‘kollettiv’ kienet l-aħjar waħda għall-Unjoni fiċ-ċirkustanzi.

Il-Kummissjoni spiċċat mira għall-kritika kbira dwar id-distribuzzjoni kajman tat-tilqim kontra l-coronavirus, taħt l-iskema tagħha għall-vaċċini li kienet introdotta f’Ġunju li għadda. L-iskema tippermetti li l-Kummissjoni tinnegozja x-xiri tal-vaċċini għan-nom tal-Istati-membri.

Intant, l-hekk-imsejjaħ rollout tal-vaċċini ħabbat wiċċu mal-intoppi min-naħa tal-produtturi – fosthom Oxford-AstraZeneca u Pfizer-BioNTech – fost kwistjonijiet relatati mal-kapaċità għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni.

‘Ħadna azzjoni tard biex nawtorizzaw il-vaċċini…..Konna wisq ottimisti meta trattajna l-aspett ta’ produzzjoni fuq livell tal-massa’, ammettiet il-President tal-Kummissjoni Ewropea. Von der Leyen qalet ukoll li l-Kummissjoni kienet ‘wisq fiduċjuża li l-vaċċini li ordnat kienu se jaslu fil-ħin’ – waqt li innutat li jridu jinstabu t-tweġibiet għad-domandi dwar x’seta mar ħażin.

Għalkemm tkellmet ma’ diversi gazzetti fl-aħħar jiem, din hi l-ewwel darba li Ursula von der Leyen aċċettat il-kritika pubblikament għar-rwol tal-Kummissjoni f’din is-sitwazzjoni problematika għall-Kummissjoni – u l-Ewropa.

Sadanittant, l-MEP Daniż tal-lemin, Peter Kofod, ilmenta mill-ġdid dwar ir-ritmu li qabdet l-UE f’dawn iċ-ċirkustanzi meta pajjiżi bħar-Renju Unit, l-Istati Uniti u Iżrael wettqu passi kbar fil-programmi tat-tilqim rispettivi għall-popli tagħhom.

U l-MEP Franċiża tax-xellug, Manon Aubry, waqt li indirizzat direttament lil von der Leyen, staqsiet ‘kif il-Kummissjoni Ewropea setgħet taċċetta li taġixxi bħal nagħġa fit-trattativi mal-kumpaniji tal-farmaċewtika?’.

Iżda von der Leyen kompliet tinsisti li l-impenn konġunt (‘joint response’) f’din is-sitwazzjoni kien korrett waqt li insistiet li ‘l-agħar xenarju kellu jinvolvi sitwazzjoni fejn l-akbar u l-aktar Stati membri influwenti jaħtfu l-parti kbira tal-kunsinni tal-vaċċini, b’mod li l-Istati ‘iżgħar’ jispiċċaw b’idejhom vojta’.

Hi wissiet li xenarju bħal dan ma kien se jagħmel l-ebda sens f’termini ekonomiċi u anki seta wassal ‘għat-tmiem tal-komunità Ewropea’ kif nafuha llum.

Sadanittant, von der Leyen iddefendiet ukoll iż-żmien li damet il-Kummissjoni biex tapprova l-vaċċini u li fissret bħala ‘investiment essenzjali għat-tkattir ta’ fiduċja u sigurtà’.