L-Oppozizzjoni tinnota bi tħassib serju kif kemm il-Ministru għall-Ġustizzja kif ukoll il-Ministru għar-Relazzjonijiet Industrijali ma jinteressahom xejn mill-ħsara fuq il-ħaddiema tal-Uffiċcju tal-Avukat Ġenerali u fuq eluf ta’ ċittadini li qed ibatu l-konsegwenzi tat-tielet ġimgħa ta’ azzjonijiet industrijali bla preċedent fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota li dawn l-azzjonijiet industrijali ġew ordnati għax il-Gvern Laburista rrifjuta li jinnegozja ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Konsegwenza tal-indifferenza tal-Gvern, għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat:
- Mhux qed ikunu imwieġba rikorsi fil-Qorti tal-Maġistrati kemm bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali kif ukoll bħala Qorti Istruttorja, rikorsi fil-Qorti tal-Appell Kriminali (Sede Inferjuri) kif ukoll dawk fil-Qorti Kriminali.
- Mhux qed issir review tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, u b’hekk mhux qed ikunu ppreżentati rikorsi għal tibdil fil-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest jew rikorsi għar-rijarrest.
- Mhux qed issir review ta’ sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali li jintbagħatu lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għat-termini tal-artikolu 392A tal-Kodiċi Kriminali u ċioè meta akkużat iwieġeb li hu ħati.
- Mhux qed issir review ta’ sentenzi mill-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali li jintbagħatu lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fuq nota tal-Kummissarju tal-Pulizija bil-konsegwenza li fejn kellu jidħol appell dan mhux qed isir.
- Mhux qed jinħadmu European Arrest Warrants li jkunu jridu jinħarġu mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Dan japplika wkoll għall-ħruġ ta’ mandati ta’ arrest internazzjonali ġodda u ċioè dawk li mhux diġà qegħdin fil-proċess li jiġu eżegwiti.
- Mhux qed isir abbozzar legali.
- Mhux qed isiru traduzzjonijiet mill-Ingliż għall-Malti u viċi-versa ta’ liġijiet.
- Mhux qed issir riċerka legali.
- Mhux qed jitwettqu dmirijiet tal-għassa.
- Mhux qed isir ivvettjar ta’ inkjesti/procès-verbal li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jkun qiegħed jiġi mitlub, mill-Pulizija, li jesebixxi fil-kumpilazzjonijiet.
L-Oppozizzjoni tappella lill-Gvern Laburista u b’mod partikolari lill-Ministru għall-Ġustizzja sabiex jagħraf il-gravità u s-serjetà tas-sitwazzjoni u ma jibqax iwebbes rasu fil-konfront tal-ħaddiema tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. In-nuqqas tal-Ministru għall-Ġustizzja li jidħol fi djalogu u negozjati kostruttivi mal-ħaddiema tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed
tagħmel ħsara kbira lill-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’pajjiżna.
Din l-istqarrija tal-PN kienet iffimata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, Karol Aquilina u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għax-Xogħol, Taħriġ, Kompetittività u Intrapriża, Jason Azzopardi.
//= $special ?>