Soru Franċiża – li hi wkoll l-akbar anzjana fl-Ewropa – kienet iddikjarata mfejqa mill-Covid-19, sigħat biss qabel hi tiċċelebra għeluq il-117-il sena tagħha – b’din il-ġurnata speċjali taħbat proprju għada l-Ħamis.
Lucile Randon, li adottat l-isem Swor Andre fl-1944, kienet ittestjat pożittiv għall-coronavirus fis-16 ta’ Jannar – iżda hi ma żviluppat l-ebda sintomi.
Fil-fatt, is-soru infurmat lill-membri tal-istampa li ‘hi lanqas biss irrealizzat li kienet infettata bil-virus’.
Swor Andre kienet iżolat ruħha mill-kumplament tar-residenti fid-dar għall-anzjani fejn hi qed tgħix, fil-belt ta’ Toulon ( fi Franza) iżda t-tobba, issa, iddikjarawha mfejqa għal kollox.
Is-soru – li hi nieqsa mid-dawl waqt li kostretta li tgħix f’wheelchair – tinsab ħerqana li tiċċelebra għeluq sninha għalkemm mifhum li ċ-ċelebrazzjoni, din is-sena, se tinvolvi numru anqas ta’ residenti tad-dar minn tas-snin preċedenti.
Kelliema għad-dar tal-anzjani ta’ Sainte Catherine Laboure qalu li s-soru ftit li xejn kienet inkwetata għal saħħitha ladarba hi kienet infurmata li kellha l-virus – u meta l-uniku preokkupazzjoni tagħha kienet ‘għar-residenti l-oħrajn’.
Meta l-ġurnalisti tal-istazzjon Franċiż BFM staqsew lis-soru jekk kenitx beżgħana mill-effetti tal-Covid, hi weġbithom li ‘ma ħasset l-ebda biża’ għaliex hi ma għandha l-ebda biża’ mill-mewt’.
//= $special ?>