L-osservaturi tal-proċess tal-impeachment fil-konfront tal-eks President Amerikan Donald Trump ma jeskludux li s-Senat ta’ Washington jivvota fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla dwar jekk Trump hux ħati jew innoċenti mill-akkużi miġjuba quddiemu.
Is-senaturi Demokratiċi u Repubblikani qed jidhru li huma favur li l-proċess ta’ Trump jieħu ‘l-inqas ħin possibbli’. Dan ladarba s-Senat ippermetta li l-proċess tal-impeachment isir bħala proċedura ‘li ma tiksirx il-kriterji tal-Kostituzzjoni Amerikana’.
L-avukati li qed jirrappreżentaw lil Trump, qabel, kienu ressqu l-argument li l-eks President ma setax ikun proċessat b’dan il-mod ‘peress li hu, issa, mgħadux jokkupa l-White House’. Madankollu, il-maġġoranza tas-senaturi vvutaw (b’56 kontra 44) favur il-proċess tal-impeachment, u fejn uħud fost il-membri Repubblikani tal-kamra appoġġjaw il-miżura.
Donald Trump hu akkużat b’li ‘xpruna rewwixta f’Washington’ meta l-bini tal-Kungress fil-kapitali kien spiċċa assedjat mill-partitarji tiegħu fis-6 ta’Jannar li għadda — u bil-konsegwenza li nqatlu ħames persuni.
L-eluf ta’ partitarji kienu qed jipprotestaw wara akkużi foloz li Trump ‘kien spiċċa miċħud’ mir-rebħa fl-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza tal-Istati Uniti minħabba tbagħbis fil-proċess tal-vot fuq skala kbira.
Sadanittant, hu kważi ċert li Donald Trump mhux se jinstab ħati f’dan il-proċess ta’ impeachment – li hu t-tieni wieħed tiegħu – peress li sitt senaturi Repubblikani biss ivvutaw biex il-proċess ikompli għaddej. Dan hu anqas sew is-17-il senatur Repubblikan meħtieġa għal verdett ta’ ħtija kontraTrump.
Id-Demokratiċi fis-Senat, fl-aħħar sigħat, ippreżentaw filmat drammatiku ta’ diskors ta’ Donald Trump, fis-6 ta’ Jannar, u l-irvellijiet qattiela ta’ dakinar mid-dimostranti li jappoġġjawh. L-istess Demokatiċi, li huma l-prosekuturi f’dan ikl-każ ta’ impeachment, qed jgħidu li Trump ‘rewwah is-sentimenti perikolużi tan-nies f’reat li bir-raġun jirrikjedi l-impeachment’.
Dan waqt li l-avukati ta’ Trump insistew li sitwazzjoni fejn eks President ikollu jgħaddi minn proċedura bħal din mgħandhiex titqies bħala sitwazzjoni li tirrispetta lill-Kostituzzjoni. Huma, fl-istess ħin, akkużaw lid-Demokratiċi dwar ‘aġenda politika speċifika’.
Is-Senat hu magħmul minn 100 membru – 50 Demokratiku u 50 Repubblikan – u jinħtieġ vot ‘favur’ minn żewġ-terzi tas-senaturi biex Trump ikun iddikjarat ħati, formalment. Iżda l-vot tat-Tlieta bil-lejl wera li l-parti kbira nett tas-senaturi Repubblikani għażlu li jesprimu ‘lealtà’ lejn l-eks President Amerikan u dan għandu jkun biżżejjed biex hu jevita l-kundanna tas-Senat.
Madankollu, f’każ li jinstab ħati, l-eks President Trump għandu jkun ipprojbit milli qatt aktar jokkupa kariga uffiċjali li permezz tagħha hu jkun responsabbli lill-pubbliku.
//= $special ?>