Internazzjonali

L-Italja: Tinħataf kunsinna kbira ta’ droga tal-mafjużi mal-grupp ‘Ndrangheta

Il-pulizija Taljana, fl-aħħar ġimgħa, irnexxielha taħtaf kunsinna ta’ 1.3 tunnellata kokaina mill-porta ta’ Gioia Tauro, fin-naħa t’isfel tal-Italja. Il-port inkwistjoni jservi bħala ‘aċċess prinċipali għall-movimenti tad-droga lejn l-Italja’ peress li hu kontrollat mill-mafjużi tal-grupp ‘Ndrangheta.

Il-ħidma tal-pulizija involviet, fost oħrajn, numru ta’ scanners sofistikati li għenu ħafna għas-sejba tad-droga – li tiswa mal-260 miljun ewro – li kienet moħbija qalb kunsinni tal-kafe u l-laħam iffriżat li kienu ġejjin mill-Brażil. Instabet anki l-kokaina fost il-kaxxi tal-frott eżotiku impurtati mill-Ekwador.

Stqarrija mill-pulizija qalet li l-miljuni tal-ewro li kellhom ikunu ġenerati minn din il-ħażna ta’droga kienu destinti għall-bwiet tal-kriminali mal-grupp ‘Ndrangheta, li hu bażata fir-reġun ta’ Kalabrija ( fl-Italja) u li għandu wkoll numru ta’ fergħat kriminali fuq livell  ‘internazzjonali’.

Il-prosekuturi Taljani, illum, jikkunsidraw lill-grupp ‘Ndrangheta bħala l-akbar entità tal-kriminalità organizzata fl-Italja.

Dan għaliex il-grupp, li rnexxielu jinfiltra l-ħajja pubblika f’Kalabrija u l-madwar, mhux talli hu involut fit-traffikar tad-droga fuq skala internazzjonali iżda għandu sehem ewlieni wkoll f’attivitajiet kriminali oħrajn bħal rikatt, ix-xiri illegali ta’ kuntratti u l-ħasil tal-flus.