Beppe Fenech Adami, PN
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami appella lill-Gvern biex jassigura li Malta żżomm l-ogħla livelli ta’ standards fiċ-ċittadinanza.
Fil-parlament Beppe Fenech Adami qal li l-liġi timponi limitazzjonijiet ta’ min jista’ jidħol fil-pajjiż iżda tipprovdi wkoll inċentivi biex tħajjar nies jiġu f’Malta. Hu qal li l-kunċett ta’ residenza f’Malta ħoloq ħafna ġid u hu kunċett li jmur lura għas-snin sittin fi żmien il-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier.
Id-deputat Nazzjonalista semma’ kif il-Gvern Nazzjonalista tas-snin disgħin għaraf jattira lejn il-pajjiż investituri tajbin iżda kien għamel regolamentazzjoni serja biex ma jarmix l-isem tajjeb li kellha Malta. Dan kien il-mument li l-pajjiż beda s-servizzi finanzjarji bil-periklu ta’ biljuni ta’ flejjes għand ċertu nies wara li kkrolla l-Blokk Sovjetiku. Malta kien irnexxielha tattira investiment serju.
Beppe Fenech Adami qal li s-sistemi ta’ tassazzjoni, il-kwalità tal-ħajja, is-sigurtà, huma vitali anki fl-aspett ekonomiku u biex Malta tibqa’ attraenti. Hu qal li hawn nies li ma jħossuhomx siguri fil-pajjiż għax hawn żoni fejn il-liġi mhix infurzata biżżejjed. Malta trid tkun ukoll affordabbli.
Beppe Fenech Adami appella lill-Gvern biex ma jkunx supeprv u ma jagħmilx l-iżbalji kbar li għamel fil-programm tal-bejgħ tal-passaporti. Il-Gvern m’għandux jibqa’ jipprova jgħatti l-iżbalji tiegħu billi jitfgħahom fuq l-Oppożizzjoni; il-Gvern irid juri li tgħallem mill-iżbalji.
Malta ħallset prezz ogħli ħafna fejn illum il-Gvern hu qalbu mtertqa jistenna r-rapport tal-Moneyval u kellu jbiddel sistemi minħabba l-kritika tal-Kummissjoni Venezja. Il-fatti huma li Malta tat iċ-ċittadinanza lil persuni involuti fi frodi ta’ miljuni li jikkonferma kemm ma sarx due diligence kif suppost.
Id-deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-barranin fil-pajjiż u qal li bħalissa hawn numru kbir ħafna ta’ barranin li jgħixu f’Malta. Fl-2019 kien hawn 67,596 barrani jgħix fil-pajjiż li minnhom 35% kienu ġejjin mill-UE u 46% minn pajjiżi oħra. 67% tal-barranin ġejjin mill-Ewropa, 24% ġejjin mill-Asja u 5.8% biss ġejjin mill-Afrika. Minn 10 barranin mill-Ewropa li jiġu, sitta huma rġiel u erba’ huma nisa.
Beppe Fenech Adami kompla li hawn kwantità kbira ta’ nies li ġejjin mill-Filippini, mis-Serbja, mil-Libja miċ-Ċina, mil-Libja, mir-Russja u mill-Eeritrea. Taħt Gvern Laburista Malta adottot ekonomija li tiddependi biss jew primarjament fuq iż-żieda fil-popolazzjoni b’effetti kbar ħafna. Din kienet politika irresponsabbli tal-ex Prim Ministru Jospeh Muscat li issa telaq u dabbar rasu. Dan qed joħloq realtà ta’ faqar ġdid, tensjoni ambjentali u impatt infrastrutturali, sostna Beppe Fenech Adami, li appella biex il-Gvern iwettaq politika ġusta u jitgħallem mill-iżbalji li għamel. Iż-żmien ta’ raġun lill-PN fil-kritika tiegħu dwar ir-reputazzjoni tal-pajjiż.
//= $special ?>