Lokali

Tliet irġiel arrestati b’rabta ma’ serqa f’San Ġiljan

Ingliż ta’ 43 sena u żewġ Somali ta’ 37 u 32 sena ġew arrestati mill-Pulizija ta’ San Ġiljan b’rabta ma’ serqa li allegatament wettqu lbieraħ filgħodu minn stabbiliment fi Triq Santu Wistin, San Ġiljan.

Kienu għall-ħabta tas-1:30pm, xħin il-Pulizija ġew infurmati li matul il-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta, xi ħadd daħal fl-istabbiliment u seraq il-cash register b’ammont ta’ flus u numru ta’ fliexken tax-xorb.

Il-Pulizija bdiet mill-ewwel bl-investigazzjoni tagħha u aktar tard daħlet informazzjoni li fuq il-Bajja ta’ San Ġorġ, kien hemm żewġt irġiel ibiegħu x-xorb. Il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post, iċċekjaw ix-xorb, qabel ma’ dak misruq u s-Somali ġew arrestati.

Minn iżjed stħarriġ, il-Pulizija identifikat lill-persuna l-oħra involuta u huwa ġie arrestat f’San Ġiljan ftit wara.

L-irġiel ittieħdu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana għal aktar investigazzjonijiet.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Joseph Mifsud li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta maġisterjali.

Ikkummenta