Żewġ ġuvintur wieġbu ħatja li f’Ottubru li għadda serqu numru ta’ appliances minn residenzi li kienu għadhom qed jitlestew. Leon Lee Zammit ta’ 21 sena u persuna li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-qorti, ingħataw il-libertà b’numru ta’ kundizzjonijiet.
Il-Prosekuzzjoni li kienet immexxija mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia, fil-qorti spjegat kif bejn is-6 u t-13 ta’ Ottubru tal-2020 l-pulizija kienet infurmata b’serq minn residenzi vakati fl-akwati tal-Mosta u l-Imġarr. Hu saħqu li anke sabu fingerprints li kienu jaqblu ma’ wieħed mill-akkużati. Waqt ix-xhieda tagħhom l-ispetturi saħqu li wara l-arrest taż-żewġ ġuvintur, dawn tal-aħħar ikkoperaw tul l-investigazzjoni. Il-pulizija spjegaw kif uħud mill-affarijiet misruqa kienu mibjugħa fuq Facebook.
Mat-talba għall-ħelsien mill-arrest tad-difiża immexxija mill-Avukati Mario Camilleri u Franco Debono, saret talba addizzjonali li l-ġuvintur ikollhom superviżjoni biex ikunu mgħejjuna jegħlbu l-vizzju tad-droga. Id-Difiża qalet li l-akkużati se joqogħdu għall-kundizzjonijiet kollha imposti fuqhom mill-Qorti, inkluż dik ta’ ‘bail supervision’.
Il-ħelsien mill-arrest ingħata bil-kundizzjoni li ma jwettqu ebda reat ieħor, ma jkellmux lix-xhieda tal-prosekuzzjoni, jiffirmaw fl-għassa tal-Pulizija darbtejn fil-ġimgħa, kif ukoll ikunu fi djarhom kuljum bejn nofsilejl u l-5:00am. Dan kollu flimkien ma’ depożitu ta’ €800 kull wieħed u garanzija personali ta’ €10,000. Ingħatat ukoll ordni li ż-żewġ ġuvintur jingħataw għajnuna psikoloġika.
//= $special ?>