Bil-proposta tal-Partit Nazzjonalista – ippreżentata mill-Kap tal-Partit Bernard Grech il-Ħadd li għadda – se jgawdi kulmin għandu pannelli jew sorsi nodfa ta’ enerġija.
Ma’ NET News, Bernard Grech spjega aktar dwar kif din il-proposta tista’ tkun biss ta’ ġid għall-poplu Malti. Għax biha, tinqata’ għalkollox l-inġustizzja fil-konfront ta’ dawk li jbigħu l-units ta’ enerġija lill-ARMS bi prezz anqas minn kemm jixtru kull unit.
Spjega li b’din il-proposta, dawk li jispiċċalhom il-kuntratt u allura jibdew jitħallsu 7ċ5 biss għal kull unit li jiġġeneraw, taħt Gvern Nazzjonalista dawn jitħallsu mill-anqas 10ċ5 għal kull unit.
Min-naħa l-oħra, dawk li jkunu għadhom bil-kuntratt u jieħdu aktar minn dan l-ammont għal kull unit, se jibqgħu jitħallsu bir-rata fissa li jkunu qed jitħallsu biha. Meta mbagħad jispiċċa dak il-kuntratt partikolari, ikun f’dak il-waqt li tidħol fis-seħħ għalihom ukoll il-proposta li jieħdu 10ċ5 għal kull unit.
Bernard Grech kompla li din il-proposta hi ħolqa minn katina ta’ proposti li huma parti minn strateġija ħolistika. Dan anke b’apprezzament għall-impenn ta’ dak li jkun biex l-arja ta’ madwarna tkun aktar nadifa.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din il-proposta ntlaqgħet tajjeb ħafna u, kemm hu, kif ukoll membri oħrajn tal-Partit, irċievew kummenti pożittivi għax din tfejjaq l-uġigħ ta’ min investa.
Il-Partit Nazzjonalista, tenna Bernard Grech, għandu strateġija ċara u jaf xi jrid għal pajjiżna, fosthom b’dan l-impenn qawwi favur sorsi ta’ enerġija nadifa u bl-inċentivi biex navvanzaw dan is-settur importanti.
//= $special ?>