Lokali

Byron Camilleri jgħid li n-nies “ma kienux jixgħelu l-heater”

8 snin wara li l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern, il-Ministri Laburisti jibqgħu ma jwieġbux dwar il-proġett tal-Electrogas – proġett kontroversjali ta’ powerstation tal-gass li kienet il-wegħda tal-Lejber fl-2013 u li llum nafu li kien ħadma sħiħa mill-bidu sal-aħħar minn Ministri, uffiċjali tal-Partit u persuni oħra qrib il-lejber.

Aktar kmieni din il-ġimgħa quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet  Pubbliċi, David Galea ammetta li hu kien issejjaħ mill-Partit Laburista qabel l-elezzjoni tal-2013 biex jagħti l-proposti tiegħu għall-enerġija, biex imbagħad l-istess Galea tpoġġa fuq Kumitat tal-Gvern Laburista biex japprova l-istess proġett li ta proposti dwaru.

Iżda għall-mistoqsijiet ta’ Net News dwar kif il-Gvern Laburista jista’ jibqa’ jiġġustifika din il-ħadma bħala proġett għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi, il-Ministru Bryon Camilleri qalilna li qabel l-2013 in-nies ma kinux jixgħelu heater.

Ministri tal-Gvern Laburista wieħed wara l-ieħor ilhom tmien snin jippruvaw jiġġustifikaw proġett li llum nafu x’allegazzjonijiet hemm marbuta mieghu u mal-Panama Papers; u allegazzjonijiet serjissimi fuq Keith Schembri u Konrad Mizzi, u fuq Yorgen Fenech, implikat fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Progett li gie ikkundannat mill-Awditur Ġenerali li sab pataflun ta’ nuqqasijiet fih.

Iżda minkejja t-taqlib li għadda minnu l-Gvern Laburista, bil-bidla fil-Prim Ministru u fil-ħafna Ministri sa minn dakinhar, il-membri tal-Kabinett tal-Lejber jibqgħu jippruvaw jiġġustifikaw mingħajr ma jagħtu tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.