Il-varjant tal-coronavirus li nstab għall-ewwel darba f’Kent, fl-Ingilterra, kapaċi jsir l-element ewlieni jew dominanti tal-Covid-19 madwar id-dinja.
Dan qalitu l-Professur Sharon Peacock, li tmexxi l-programm tar-Renju Unit għal sorveljanza ġenetika u li sostniet li l-varjant inkwistjoni infirex diġà madwar pajjiżha.
Fl-istess ħin, il-Professur Peacock semmiet ‘il-probabbiltà kbira’ li l-varjant ta’ Kent ikun l-aktar wieħed komuni għad-dinja fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Hi spjegat ukoll li l-ħidma tagħha li tinvolvi sequencing (sorveljanza) tal-virus x’aktarx li jrid ikompli għaddej għal talanqas 10 snin.
Il-Kent variant tal-virus diġà nstab f’50 pajjiż u kien indikat għall-ewwel darba lejn ix-xlokk tal-Ingilterra, f’Settembru tal-2020. Il-firxa rapida tal-varjant, fix-xhur sussegwenti, kienet ir-raġuni għall-introduzzjoni, f’Jannar, tar-regoli tal-lockdown ġodda madwar ir-Renju Unit.
Il-Professur Peacock, li hi wkoll direttur tal-Covid-19 Genomics consortium, qalet li l-aktar ħaġa li qed taffettwa lil kulħadd tinvolvi l-‘mod ta’ malajr kif il-virus qed ikun trasmess minn bniedem għall-ieħor.’
Hi spjegat li ladarba x-xjenza medika jirnexxilha tikkontrolla aħjar is-sitwazzjoni u ladarba l-bidliet (mutations) fil-virus ma jibqgħux jikkaġunaw il-mard, in-nies, imbagħad, jistgħu ma jinkwetawx aktar dwar il-varjant.
Madankollu hi temmen li s-sequencing tal-virus x’aktarx li jrid ikompli għal għaxar snin, filwaqt li saħqet li l-vaċċini approvati għall-użu fir-Renju Unit jidhru li qed jaħdmu tajjeb kontra l-varjanti tal-Covid-19 fil-pajjiż.
Fi żviluppi oħra…
Il-lockdown fil-Ġermanja mistenni jkompli sas-7 ta’ Marzu iżda l-ħwienet tax-xagħar se jitħallew jiftħu mill-bidu tax-xahar id-dieħel. Filwaqt li mhemmx ftehim fuq livell nazzjonali għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel, is-16-il Stati tal-Ġermanja għandhom ifasslu l-pjani tagħhom għas-settur edukattiv. L-Istat ta’ Sassonja qed jippjana biex jiftaħ l-iskejjel primarji u daycare centres mit-Tnejn waqt li diversi Stati oħrajn iridu jifgħu mill-ġdid l-iskejjel mit-22 ta’ Frar.
Intant, fi Franza, mhux se jkompli għaddej ix-xogħol fuq proġett kbir li kien jinvolvi l-bini ta’ raba’ terminal fl-ajruport ta’ Charles de Gaulle f’Pariġi. Waħda mir-raġunijiet li ssemmew jinvolvu aspetti ambjentali, iżda raġuni prinċipali oħra hi li l-pandemija naqqset drammatikament it-traffiku tal-ajru.
Għall-ewwel darba din ix-xitwa, is-ski resorts fil-provinċja tal-Lombardija, fl-Italja, għandhom jerġgħu jiftħu mill-bidu tal-ġimgħa d-dieħla – iżda l-faċilitajiet se servizz biss fuq livell ta’ 30 fil-mija. Il-Lombardija xhur ilu kienet l-epiċentru tal-bidu tal-pandemija fl-Ewropa u r-rata tal-infezzjonjiet fl-Italja għadha waħda għolja – bi 12,956 każi ġodda tal-Covid-19 jkunu rappurtati nhar l-Erbgħa.
Intant, il-Parlament fil-Portugall kien mistenni japprova digriet tal-President Marcelo Rebelo de Sousa biex, min-nhar it-Tnejn, iġedded l-istat tal-emerġenza tal-pajjiż bi ħmistax-il-jum ieħor. Il-President, min-naħa tiegħu, irrefera għall-pressjoni kontinwa fuq l-isptarijiet minkejja l-lockdown fil-pajjiż li ilu effettiv min-nofs Jannar.
//= $special ?>