Lokali

“Daqqa ta’ ħarta oħra għall-governanza tajba” – PN

Bil-ħatra tiegħu bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali l-eks Ministru tal-Finanzi l-Prof. Edward Scicluna huwa wkoll membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorita’ Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA). F’ċirkostanzi normali l-ħatra tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali bħala membru tal-Board tal-Gvernaturi tal-MFSA ma’ tqajjem ebda tħassib jew kontroversja.

Saħqu dan il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba Therese Comodini Cachia u l-President tal-FPPN Graham Bencini fejn sostnew li l-każ tal-Prof. Scicluna huwa kompletament differenti. Din l-aħħar ħatra turi kemm il-Gvern Laburista ta’ Robert Abela huwa nieqes minn kull
interess li jħares ir-reputazzjoni u l-kredibbiita’ ta’ Malta bħala ġurisdizzjoni ta’ servizzi finanzjarji u qiegħed minflok jagħżel li jibqa’ totalment b’għajnejh magħluqa u dan fil-kuntest tal-pressjoni dejjem tiżdied sabiex Malta titnaddaf illum qabel għada.

Huma saħqu li l-Prof. Scicluna għadu sal-ġurnata tal-lum persuna ta’ interess f’inkjesta maġisterjali. Filwaqt li l-preżunzjoni tal-innoċenza hija sagrosanta, din l-ombra ta’ dubju tagħmel il-ħatra ta’ Prof. Scicluna waħda inopportuna fil-ħtieġa ta’ Malta li titpenġa f’dawl pożittiv.

L-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) mill-ġdid jappella lill-Gvern sabiex sa l-aħħar ipoġġi l-interess nazzjonali l-ewwel u jieħu l-governanza tajba bis-serjeta’.

Pożizzjonijiet kruċjali m’għandhomx jintużaw bħala rigali tal-Partit Laburista iżda għandhom jingħataw skond il-mertu u l-interess nazzjonali.