Kummenti li saru fl-aħħar jiem fuq diversi programmi sportivi lokali, minn diriġenti ta’ Floriana F.C., komplew jiddestabbilizzaw l-ambjent fi ħdan il-klabb. Dan wara li l-ħtija tal-prestazzjonijiet riċenti ntefgħet kważi b’mod esklussiv fuq il-plejers. Dawn il-kummenti wasslu biex l-Erbgħa saħansitra nġema’ grupp ta’ partitarji li stennew lill-plejers barra l-grawnd, wara telfa oħra li din id-darba rat lil Floriana F.C. jiġu esklużi mill-FA Trophy kontra Santa Luċia F.C.
Hawn żviluppa konfront bejn iż-żewġ partijiet, b’tgħajjir u theddid li fortunatament ma sarraf f’xejn iktar serju grazzi għall-intervent f’waqtu tal-Pulizija li kienu preparati. Fl-aħħar sigħat Net News saħansitra ġie kkuntattjat minn Paolo Palermo, l-aġent tal-plejers Diego Venancio u Matias Garcia li esprima d-diżappunt tiegħu li d-diriġenti tal-klabb qed ifarfru l-ħtija kollha fuq il-plejers. Hu ddikjara magħna li l-avvenimenti tal-aħħar sigħat, bl-irjus li saħnu kawża ta’ kummenti rresponsabbli li saru, ma ħallewlux għażla ħlief li jintervjeni anke jekk mhux soltu tiegħu. Palermo fakkar kif, sat-tluq tal-President Riccardo Gaucci u eventwalment anke l-kowċ Enzo Potenza, Floriana kienu għadhom biċ-ċans għal post fl-Ewropa b’żewġ logħbiet x’jirkupraw.
Iżda minn dakinhar il-klabb baqa’ sejjer lura u allura hu evidenti li l-problema mhix biss il-plejers, li huma l-istess li rebħu l-Kampjonat Premier. Innota wkoll diżorganizzazzjoni fuq livell ta’ kumitat hekk kif uħud mill-plejers li kellhom jibbenefikaw mill-flus li ħalla warajh il-President Riccardo Gaucci bħala bonuses għadom ma ħaduhomx. Qal li filwaqt li l-maġġoranza tal-plejers ħaduhom, sebgħa oħra fosthom Caseres li hu jirrappreżenta, imma wkoll dawk li kienu mislufa u dawk li ma lagħbux, baqgħu mingħajrhom minkejja ftehim li kien hemm biex dawn ukoll jieħdu sehem.
F’komunikazzjoni li kien Palermo li għamel ma’ Net News hu qal li anke d-diriġenti jridu jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom, inkluż għall-għażliet tekniċi li qed isiru, l-esklużjoni ta’ plejers bħal Venancio u deċiżjonijiet fis-suq tat-trasferimenti li raw plejers bħal Fonseca u Caseres jerġgħu jintbagħtu b’self anke f’Jannar. Net News kien ikkuntattjat ukoll minn partitarji li huma wkoll iddikjaraw li għandu jkun kulħadd li jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu, mhux biss il-plejers imma anke l-istess uffiċjali li qed jikkritikaw lill-plejers. Fl-sitess waqt esprimew it-tama li l-introduzzjoni ta’ elementi ġodda fil-Kumitat tal-klabb jistgħu jwittu t-triq għal ġdida għall-klabb.
//= $special ?>