Lokali

“Il-COVID-19 kabbret l-inugwaljanza bejn is-sessi” -NCPE

Studju li sar mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE) sab li l-pandemija tal-COVID-19 qed tiggrava l-inugwaljanzi tal-ġeneru li diġà jeżistu fit-tqassim tar-responsabbiltajiet tad-dar u tal-kura li mhumiex imħallsa. L-istudju sħiħ tar-riċerka jista’ jinqara hawn.

Bejn Ġunju u Lulju tal-2020, l-NCPE wettqet stħarriġ online dwar it-tqassim tax-xogħol bejn in-nisa u l-irġiel matul il-pandemija. L-istħarriġ staqsa lil dawk li wieġbu dwar iż-żieda/it-tnaqqis fil-ħin iddedikat għal  xogħol varju – xogħol imħallas, xogħol tad-dar, kura tat-tfal, xogħol tal-iskola mid-dar, kura ta’ adulti dipendenti, divertiment/ ħin liberu, kura personali u rqad – bħala riżultat tal-COVID-19. L-istħarriġ staqsa wkoll dwar il-perċezzjoni ta’ dawk li wieġbu dwar l-ugwaljanza fil-qsim tar-responsabbiltajiet mas-sieħeb/sieħba tagħhom matul il-pandemija.

Ir-riżultati juru li, matul il-pandemija, iż-żieda fin-numru ta’ sigħat meħtieġa biex jitwettaq ix- xogħol tad-dar u l-kura tat-tfal żdiedu aktar għan-nisa milli għall-irġiel, filwaqt li l-ħin mgħoddi fid-divertiment, il-kura personali u l-irqad naqas aktar għan-nisa milli għall-irġiel.

Dan l-istħarriġ sar fl-isfond tal-bidliet f’daqqa li ġiegħlu lil bosta individwi jaddattaw għal xogħol u prattiċi soċjali radikalment differenti dovuti mill-ħtieġa li titwaqqaf l-imxija tal-COVID-19. Peress li l-istħarriġ tqassam online, mhuwiex rappreżentattiv tal-popolazzjoni inġenerali, u l-perċentwali murija fl-istudju jirreferu għal dawk li wieġbu biss.

Is-sejbiet ewlenin tal-istudju huma:

  • 58.4% tar-rispondenti nisa ddikjaraw li s-sigħat dedikati għax-xogħol tad-dar żdiedu matul il-pandemija, meta mqabbla ma’ 55.2% tal-irġiel.
  • Ir-rispondenti nisa rrappurtaw żieda ġenerali ogħla (63%) fil-kura tat-tfal, meta mqabbla ma’ l-irġiel (60.7%). Barra minn hekk, in-numru ta’ nisa li li rrapportaw żieda fil-kategorija ta’ “Żdied bi 13-il siegħa jew aktar” irdoppja.
  • Hemm differenza sostanzjali ta’ 16% bejn ir-rispondenti nisa u rġiel li rrappurtaw żieda fil-ħin iddedikat għax-xogħol tal-iskola mid-dar – 80.2% għan-nisa u 64.2% għall-irġiel.
  • Ir-rispondenti nisa kienu aktar probabbli li jirrappurtaw żieda fis-sigħat li għaddew jieħdu ħsieb adulti dipendenti matul il-pandemija – 54.7% meta mqabbla ma’ 44% tal-irġiel.
  • 49.2% tan-nisa bi tfal ta’ 15-il sena jew iżgħar iddikjaraw li d-divertiment/il-ħin liberu tagħhom naqas meta mqabbel ma’ 42.4% tal-irġiel.
  • 52.8% tar-rispondenti nisa bi tfal ta’ 15-il sena jew iżgħar irrappurtaw tnaqqis fil-ħin iddedikat għall-kura personali, meta mqabbel ma’ 36.8% tal-irġiel.
  • 43.8% tar-rispondenti nisa u 39.3% tar-rispondenti rġiel bi tfal ta’ 15-il sena jew iżgħar irrappurtaw tnaqqis fis-sigħat tal-irqad.
  • Ħafna iktar nisa ħassew li r-responsabbiltajiet domestiċi ma kinux maqsuma b’mod ugwali mas-sieħeb tagħhom meta mqabbla ma’ dawk l-irġiel li wieġbu.

Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-istħarriġ ma kejjilx il-ħin iddedikat għal dawn id-diversi xogħlijiet, iżda ħares biss lejn iż-żieda/tnaqqis matul il-COVID-19. Għalhekk, l-istudju jagħmel referenzi għall-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-EIGE tal-2019 sabiex juri b’mod ċar l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel qabel il-COVID-19. Minkejja l-fatt li l-irġiel qattgħu aktar ħin id-dar matul il-pandemija, ir-riżultati tal-istħarriġ tal-NCPE jindikaw li n-nisa komplew jerfgħu ħafna mir-responsabbiltajiet eżistenti domestiċi u ta’ kura, filwaqt li ġarrew il-piż addizzjonali kkawżat mill-pandemija.

L-istudju tar-riċerka jikkonkludi li, sabiex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi evidenti, wieħed jeħtieġ jinvesti u jibni fuq miżuri eżistenti – billi jitjiebu s-servizzi ta’ kura u jitkattar ambjent tax-xogħol aktar flessibbli. Barra minn hekk, hemm bżonn li jsir ħafna iktar xogħol biex nippromwovu u ndaħħlu bidliet fl-imġiba li jkissru l-isterjotipi tas-sessi u jegħlbu l-irwoli tradizzjonali tas-sessi.