Il-11 ta’ Frar huwa l-jum li fih il-pajjiżi Ewropej ifakkru s-servizzi tal-emerġenza marbuta propju man-numri 112.
F’pajjiżna dan in-numru jista’ jintuża f’każ ta’ bżonn ta’ assistenza tal-Pulizija, tas-servizzi mediċi, jew tal-Protezzjoni Ċivili jew l-Armata fost l-oħrajn.
Filfatt, fost dawk li jagħtu s-servizzi tagħhom hemm it-timijiet mediċi u l-ambulanzi, il-Pulizija tad-diversi taqsimijiet inkluż dawk tar-Rapid Intervention, kif ukoll ħaddiema tas-CPD u l-AFM.
Tul is-sena li għaddiet, fuq dan in-numru daħlu aktar minn 385,000 telefonata, madankollu meta wieħed iħares bir-reqqa lejn l-istatistiċi tal-control room tal-Pulizija, kienu biss 75,000 it-telefonati li kienu meqjusa bħala talbiet vera ta’ bżonn, bil-bqija jkunu meqjusa bħala telefonati irrelevanti jew abbużivi.
Huwa għalhekk li s-servizz tal-emerġenza jappellaw biex il-112 jintuża b’mod għaqli biex min verament ikollu bżonn, isib l-għajnuna aktar malajr, kif spjegalna l-Assistent Kummissarju Nezren Grixti.
Tul l-2020, 75% tat-telefonati fuq il-112 kienu marbuta ma’ emerġenzi mediċi, 14% kellhom bżonn l-intervent tal-Pulizija filwaqt li madwar 11% kellhom bżonn l-assistenza tal-Protezzjoni Ċivili.