Lokali

Il-previżjoni ta’ Moody’s “toffri tama iżda turi li fadal x’naqdfu” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’mod pożittiv li l-Aġenzija ta’ kreditu Moody’s qed tbassar li pajjiżna għandu jkun f’pożizzjoni tajba li jirkupra ekonomikament wara l-pandemija. Madanakollu, l-istess Moody’s tagħmel żewġ twissijiet importanti li l-Gvern għandu jagħti kashom u mhux jaħbihom.

Fi stqarrija il-Kelliem għall-Finanzi Mario de Marco qal li Moody’s wissiet li l-irkupru ekonomiku f’Malta hu ferm dipendenti fuq it-turiżmu u jiddependi minn bosta elementi, kemm minn dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra iżda wkoll mis-sitwazzjon tagħna, li jekk ma nkunux bil-għaqal, tista’ terġa’ tmur lil hinn mill-kontroll.

Il-PN appella lill-Gvern sabiex ma jirrepetix l-iżbalji meta fl-illużjoni tiegħu li l-mewġ kien biss fil-baħar, fetaħ l-ajruport bla kontrolli u pprova jattira lejn Malta attivitajiet tal-massa li pajjiżi ohra ma riedux lejn xtuthom.

Twissija oħra tal-Moody’s hi dwar il-governanza fejn filwaqt li saru xi riformi, Moody’s qalet li għad baqa’ sfidi kbar. Il-Gvern irid jaħdem biex jiġġieled il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus f’pajjiżna li wassly biex Malta kompliet tinżel ‘l isfel u tinsab fl-agħar pożizzjoni li qatt kienet fl-indiċi tad-demokrazija miġbur minn The Economist Intelligence Unit li ddeskriva lil pajjiżna bħala ‘demokrazija difettuża’ (flawed democracy).

Il-PN appella biex Robert Abela jieqaf mir-retorika tiegħu li qed ngħixu fil-ġenna, jisma’ dak li qed jgħidulu l-aġenziji u istituzzjonijiet ta’ reputazzjoni oħrajn biex jiżgura li pajjiżna verament ikun jista’ jirranka malli s-sitwazzjoni tal-pandemija taqleb għall-aħjar.