Kull persuna, inkluż il-membri tal-komunità kummerċjali, trid tkun parti mill-bidla li rrid nara għal pajjiżna. U għax wgħedt li rrid politika viċin tan-nies, se nibqa’ nisma’ u niltaqa’ man-nies. Għalhekk irrid niftaħ beraħ mhux biss il-bibien tal-Partit Nazzjonalista, iżda li nwaqqa’ l-ħitan, għax kull persuna, inkluż il-membri tal-komunità kummerċjali, trid tkun parti mill-bidla li rrid nara għal pajjiżna.
Hekk qal dalgħodu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt żjara li ghamel fil-lokalità ta’ Birżebbuġa, fejn iltaqa’ ma’ bosta sidien tal-ħwienet, bejjiegħa tal-monti u anke residenti.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ma’ diversi membri tal-komunità kummerċjali, li qalu li minħabba fis-sitwazzjoni preżenti, ix-xogħol tagħhom naqas u, filwaqt li qed jieħdu anqas paga d-dar, għadhom jiffaċċjaw l-istess għafsa tal-ispejjeż, bir-riżultat li hemm min jibża’ li ma jirnexxielux ilaħħaq magħhom jew li saħansitra jispiċċa jfalli.
Bernard Grech appella lil dawn is-sidien ta’ negozju u bejjiegħa tal-monti biex jibqgħu fiduċjużi li ftit ftit, hekk kif is-sitwazzjoni titjieb, wieħed ikun jista’ jerġa’ jibda jimxi ‘l quddiem. Saħaq li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess li jibqa’ jsegwi kif din is-sitwazzjoni qed tiżviluppa anke billi jibqa’ f’kuntatt kontinwu mal-imsieħba soċjali u li jibqa’ joħroġ bi proposti għal dan is-settur, partikolarment quddiem l-isfidi li n-negozji żgħar u medji qed jaffaċċjaw kawża tal-pandemija.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li issa jeħtieġ li minflok nibqgħu nkarkru biha, jittieħdu l-miżuri kollha ħalli l-pandemija tiġi eliminata mill-aktar fis possibbli għall-ġid tal-eluf ta’ negozji żgħar u medji, li jidher ċar li ma jifilħux aktar f’din is-sitwazzjoni. Dan kien ikkonfermat minn stħarrig ippubblikat mill-Kamra tal-SMEs, li wera kif żewġ terzi tan-negozji żgħar u medji huma inkwetati li ma jkampawx fl-2021 u għalhekk, jistgħu jispiċċaw biex ifallu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Kandidati tad-distrett.