Ambjent Lokali

L-ebda soluzzjoni mill-Gvern dwar l-anomalija tal-pannelli

Il-Ministru Aaron Farrugia kkonferma ma’ Net News li l-Gvern jinsab sodisfatt bis-sitwazzjoni preżenti fejn jidħol ħlas lil min investa fil-pannelli u għalhekk m’għandu l-ebda intenzjoni li jirrevedi r-rata li biha qed iħallas liċ-ċittadin.

Dan għaliex meta mistoqsji jekk il-Gvern hux se jirrevedi r-rata, il-Ministru ma weġibx u qal li n-nies tant huma kuntenti bil-ħlas li qed ikomplu jixtru l-pannelli.

Dalgħodu staqsejna lill-Ministru kif se jsolvi din l-anomalija fejn min investa l-eluf ta’ ewro f’pannelli biex jiġġenera enerġija nadifa, qed jispiċċa ibati inġustizzja kbira.

Min fl-aħħar snin investa fil-pannelli, qed iħallas lill-Gvern rata minima ta’ 10ċ5 għal kull unit ta’ enerġija li jixri mingħandu, imma mbagħad jitħallas biss 7ċ għall-istess unit jekk ikun iġġenerah hu bil-pannelli fotvoltajċi.

Kull unit tad-dawl li jkun ikkunsmat mill-pubbliku fl-użu residenzjali jiswa tal-anqas 10.47ċ, bir-rata li tibqa’ togħla sa massimu ta’ 60.47ċ għal kull unit jekk wieħed ikun jikkonsma aktar enerġija. Dan ifisser li wieħed jista’ jispiċċa jħallas aktar minn tmien darbiet aktar milli jitħallas mill-Gvern talli qed jiġġenera enerġija li ma tniġġisx.

Intant staqsejna wkoll lill-Ministru tal-Ambjent dwar il-falliment tal-Gvern fir-riċiklaġġ hekk kif l-aktar statistika riċenti turi li 1% biss tal-plastik kollu ġġenerat f’pajjiżna qed jiġi rriċikilat. Il-Ministru Farrugia spiċċa jammetti li l-Gvern sa issa ħela erba’ snin wara li fl-2017 inħaraq l-impjant ta’ Sant Antnin.

Illum, erba’ snin wara, il-Ministru qal li ħarġet sejħa għal Tender, bl-istess Ministru jammetti fi ftit kliem, li l-Gvern ilu erba’ snin rieqed anke fejn jidħol l-ambjent u l-immaniġġjar tal-iskart, wara li l-impjant tar-riċiklaġġ mibni mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern inqered minn nirien fl-2017.