Internazzjonali

L-Iran: Jipproduċi materjal b’abbuż tal-kriterji għall-ftehim nukleari

Ir-reġim fundamentalista f’Tehran beda jipproduċi l-uranium metal li hu materjal ewlieni li kapaċi jintuża fil-produzzjoni ta’ bomba nukleari.

L-aħbar qed jallarma lill-potenzi tad-dinja li, qabel, kienu wissew lill-Iran dwar din il-ħidma li tikkostitwixxi abbuż ieħor għall-Ftehim Nukleari storiku tal-2015 li l-istess potenzi kienu laħqu ma’ Tehran.

Sar magħruf, issa, li l-ispetturi tal-International Atomic Energy Agency (IAEA), il-ġimgħa l-oħra, kienu verifikaw l-eżistenza ta’ 3.6 kilogramma tal-imsemmi materjal fil-faċilità atomika ta’ Isfahan.

Sadanittant, l-Iran qal li qed imexxi riċerka u żvilupp bil-ħsieb li jipproduċi l-fuel għal reattur li l-pajjiż qed juża ‘għal riċerka’.

L-Iran jinsisti li l-programm nukleari tiegħu hu wieħed paċifiku għal kollox, iżda fl-aħħar xhur, ir-reġim Iżlamiku rtira minn diversi impenji li kien daħal għalihom taħt il-ftehim nukleari.

Fl-istess ħin, l-Iran qal li qed jirritalja għas-sanzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Uniti li fl-2018 kienu imposti mill-ġdid fuq il-pajjiż fundamentalista fuq l-inizjattiva tal-eks President Amerikan, Donald Trump.

Min-naħa tiegħu, il-President ġdid tal-Istati Uniti, Joe Biden, qal li l-Iran irid jikkoopera u jirrispetta bis-sħiħ il-kundizzjonijiet tal-ftehim storiku qabel jikkunsidra li jneħħi dawn is-sanzjonijiet.