Edukazzjoni Lokali

L-MUT tagħti ultimatum lill-Ministru Justyne Caruana

L-Unjin thedded azzjonijiet industrijali fis-settur

“Il-Ministeru tal-Edukazzjoni wasal f’pika u tattika infantili”.

Hekk sostniet l-Unjin tal-Għalliema fejn protestat bil-qawwi l-aġir tal-Ministeru mmexxi minn Justyne Caruana fejn spjegat li l-laptops il-ġodda għall-edukaturi tal-iskejjel tal-istat ilhom li waslu minn Diċembru li għadda, bil-Ministeru għadu ma qassam l-ebda wieħed minnhom.

L-MUT sostniet li din it-tattika qed issir sinonima ħafna mad-deċiżjonijiet li qed jittieħdu u insistiet li din il-pika qed tissarraf f’sitwazzjonijiet varji fejn edukaturi m’għandhomx biex jaħdmu jew inkella qed jillapazzaw b’apparat li issa għadda żmienu u m’għadux jista’ jaqdi l-ħtiġijiet tat-tagħlim tal-lum.

L-Unjin insistiet li din il-pika żejjed fl-aħħar mill-aħħar qed twassal għal fatt li l-għalliema, u l-istudenti magħhom, qed ibatu għalxejn.

Għaldaqstant l-MUT tat ultimatum lill-Ministru Justyne Caruana li jekk sa nhar il-Ħamis 18 ta’ Frar ma tkunx provudta l-iskeda tat-tqassim tal-laptops, u tkun ta’ sodisfazzjon għall-unjin – l-MUT ser tkun qed tordna azzjonijiet industrijali fis-settur.