Lokali

Malti arrestat wara operazzjoni konġunta bejn il-Pulizija Maltija u l-Europol

Investigazzjoni internazzjonali kkordinata mill-Europol – bis-sehem tal-Pulizija Maltija, tar-Renju Unit, tal-Belġju, tal-Kanada u tal-Istati Uniti – dwar serje ta’ attakki immirati lejn persuni ta’ profil għoli flIstati Uniti, fosthom influencers famużi fuq l-internet, ċelebritajiet tal-isport, mużiċisti u l-familji
tagħhom, wasslet għall-arrest ta’ għaxar persuni, fosthom żagħżugħ Malti ta’ 17-il sena.

Huwa maħsub li l-allegati kriminali kisbu aċċess illegali tan-numri tat-telefowns tal-vittmi u ħadu kontroll tal-apps jew tal-kontijiet tagħhom billi biddlu l-passwords. Dan it-tip ta frodi huwa magħruf bħala ‘sim swapping’ u tinvolvi kriminali, li jieħdu f’idejhom n-numru tat-telefon tal-vittma billi
jiddiżattivaw is-sim card tal-mowbajl u jgħaddu n-numru allokat lil xi membru taċ-ċirku kriminali.

Dan wassal biex l-allegati kriminali serqu b’aktar $100 miljun fi crypto-currencies, kif ukoll informazzjoni personali tal-vittmi u aċċessaw b’mod illegali l-profili talmidja-soċjali billi anke poġġew kontenut u bagħtu messaġġi li jidhru li qegħdin jintbgħatu mill-vittmi.

L-involviment tal-Pulizija Maltija bdiet lura f’Novembru tal-2019 wara li t-Taqsima tas-Cyber Crime irċeviet informazzjoni direttament mill-Istati Uniti dwar suspett li persuna Maltija allegatament daħlet b’mod illegali fi profili ta’ Instagram ta’ diversi ċelebritajiet u sussegwentament beda jirrikattahom.

Irriżulta li s-suspettat kien jifforma parti minn grupp ta’ persuni investigati mis-Servizz Sigriet tal-Istati Uniti.

Minn tfittxijiet li saru fir-residenza fejn jgħix iż-żagħżugħ, ġew elevati diversi oġġetti, fosthom apparat elettroniku, ħwejjeġ lussużi u
apparat ieħor li allegatament inxtara minn credit-cards misruqin.

Inizjalment kien maħsub li wara dan ir-reat kriminali, kienu involuti biss il-persuna Maltija u persuni oħrajn fl-Istati Uniti tal-Amerika u fir-Renju Unit. Matul l-investigazzjonijiet li saru, fl-analiżi talinformazzjoni li nġabret, ġie stabbilit li seta’ kien hemm membri oħrajn ta’ dan il-grupp kriminali
f’pajjiżi oħrajn.

Għaldaqstant, fir-Rebbiegħa tal-2020, ġiet involuta l-Aġenzija Ewropea tal-Pulizija (EUROPOL) li permezz tal-‘Joint Cyber Action Task Force’ kkoordinat il-ġbir u skambju tal-informazzjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-membri l-oħra ta’ dan il-grupp kriminali.

Fil-fatt, l-informazzjoni miġbura millPulizija Maltija waslet biex l-investigazzjonijiet infirxu f’diversi pajjiżi oħra u nhar it-Tlieta illi għadda ġew arrestati tmien persuni fil-Kanada, ir-Renju Unit u fil-Belġju. L-operazzjoni li saret fil-ġranet li għaddew saret bl-għajnuna tal-Europol.

L-investigazzjonijiet dwar il-persuna Maltija nvoluta f’dan il-każ għadhom għaddejjin. Akkużi filkonfront tiegħu ma nħarġux sakemm jiġi stabbilit ezattament l-involviment tiegħu f’dan il-grupp kriminali.

Issa li ġew arrestati aktar membri ta’ dan il-grupp kriminali u nġabret iktar evidenza millpersuni l-oħrajn li ġew arrestati, l-awtoritajiet kollha involuti se jkunu qegħdin jiddiskutu dawn l-iżviluppi ġodda u jinħarġu l-akkużi relattivi.