“Rajt id umana fuq in-naħa tax-xufier u figura maħruqa ġewwa. Ma stajt nagħmel xejn.” Hekk iddeskriva x-xena Frederick Sammut, pompier mit-Taqsima tat-Tifi tan-Nar li saħaq li kien mar fuq il-post fejn seħħ il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u li hemm ra l-karozza taqbad, resaq fil-qrib biex jara jekk hemmx xi ħadd ġewwa, u biex jara jekk setax jagħmel xi ħaġa.
Hekk kif ikkonċentra fuq il-vettura, huwa jiftakar li ra żewġ persuni jargumentaw fuq il-post, b’referenza għat-tifel tal-vittma li dak in-nhar wara nofsinhar daħal f’battibekk ma’ persuna li kien jinsab fil-post.
L-istess xena rraokkonta Arthur Grech, pompier ewlieni fl-istazzjon tax-Xemxija. Saħaq li ra figura umana ġewwa u biċċiet tal-laħam imxerred madwar is-sit tal-bomba.
Qal li huma tliet ijiem wara, huma rritornaw biex jaqtgħu siġra biex jagħmluha possibbli għall-investigaturi biex jiċċekkjaw għal partijiet tal-ġisem tal-vittma li kienu fil-post. Harry Eddleson, ukoll pompier, qal li ra partijiet umani wkoll, u jfakkar riġel imqatta’ mill-parti tal-koxxa.
Dawn kienu rrakkonti xokkanti u ta’ swied il-qalb li nstemgħu quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront tan-negozjant Yorgen Fenech li jinsab mixli bil-kompliċita fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Sadanittant talba oħra għal libertà proviżorja kienert miċħuda
Sadanittant minħabba r-riskju ta’ kontaminazzjoni tal-provi u kwistjonijiet oħra, l-Qorti għal darba oħra ma laqgħetx it-talba għal libertà proviżorja ta’ Yorgen Fenech.
Dan minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom mhux konklużi minkejja li għaddew tliet snin, u l-biża li l-akkużat jaħrab minn Malta għadha ta’ periklu. Madankollu l-Qorti ordnat lill-Prosekuzzjoni biex tressaq aktar xhieda mingħajr dewmien.
Fil-bidu tas-seduta d-difiża ippreżentat nota fejn qalet li ma rnexxilhomx jippreparaw għal kontro eżami. L-Avukat Philip Galea Farrugia mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, xtaq iqajjem punt fejn qal li din il-ġimgħa, il-blogger u l-lettur Simon Mercieca ppubblika żewġ artikli, li huma mimlija gideb dwaru.
Huwa jippreżenta kopji tal-blog posts lill-Qorti, waħda minnhom hija dwar il-każ tal-Qorti li jinvolvi attentat ta’ ixħim tal-Avukati difensuri Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran fil-konfront tal-ġurnalist tat-Times Ivan Martin.
Mercieca allega li l-istess avukat li jmexxi kontra Yorgen Fenech (b’referenza għal Galea Farrugia) issa qed imexxi kontra l-avukati tal-istess Fenech.
Galea Farrugia ċaħad bil-qawwa dan u qal li assolutament ma kienx involut fil-każ l-ieħor. Galea Farrugia esebixxi wkoll email li bagħat lill-Ispettur Scerri mit-Taqsima tar-Reati Finanzjarji tal-pulizija.
Huwa qal li ma kellux x’jaqsam f’dak il-każ sabiex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta’ interess possibbli. Huwa tenna li talab il-protezzjoni tal-Qorti peress li fil-fehma tiegħu dawn l-artikoli qed ixekkluh fil-qadi ta’ dmirijietu u li dan huwa xejn ħlief attakk u intimidazzjoni fil-konfront tiegħu.
Wara sar intervetn mill-avukat Charles Mercieca, li qal li hemm ir-rimedju opportun biex l-affarijiet jiġu rranġati, u qal li ħadd ma jistħoqqlu jiġi attakkat waqt il-qadi ta’ dmirijietu.
“Bl-istess mod aħna l-avukati u l-akkużat li għadu preżunt innoċenti.” L-Avukati difensuri qalu li l-Qorti kienet ipprojbixxiet il-pubblikazzjoni ta’ chats mit-telefon ta’ Fenech.
Il-Maġistrat iċċarat billi qalet li hi qatt ma pprojbixxiet l-pubblikazzjoni ta’ artikli dwar Fenech jew l-interessi kummerċjali tiegħu, sakemm dawn ma jkunux relatati mal-proċeduri tal-Qorti.
L-ewwel xhud fil-kumpilazzjoni kien resident mill-Mosta, Carmel Sammut. li qal li l-Pulizija kienu tkellmu miegħu dwar karozza li kien jaraha ħafna drabi pparkjata ħdejn daru u li baqatx jidher wara l-attakk tal-bomba.
Huwa jgħix ‘il fuq mill-wied, f’żona mwarba bi ftit traffiku u għalhekk kwalunkwe karozza titqies suspettuża. Huwa kien wissa lil martu biex iżżomm għajnejha fuq il-karozza bajda, li huwa jemmen li kienet Hyundai.
Fil-jum tal-qtil, huwa kien id-dar jirkupra minn sieq li kellha frattra. Huwa mar iġib il-kariga tiegħu għall-ħabta ta’ nofsinhar u ra l-karozza pparkjata hemmhekk.
Imbagħad għall-ħabta tat-3pm sema’ splużjoni. Huwa ħaseb li kien xi ħadd mal-bieb qed iħabbat. Għall-ħabta tat-3.15pm sema’ bi splużjoni li saret fil-Bidnija. Meta ħareġ barra, iltaqa’ mal-kommossjoni bil-karozzi tal-Pulizija u l-Ambulanzi li kienu għaddejjin b’veloċità qawwija.
Wara xehdet martu li qalet li rat karozza differenti pparkjata barra d-dar tagħha. Meta telqet għall-ħabta tas-2.30pm mid-daħla ta’ quddiem, il-karozza żgħira kienet għadha hemm.
Kien ipparkjat f’diversi postijiet tul it-triq taħt id-dar tagħhom għal diversi ġimgħat. Żewġha kien qalilha li ma kienx kuntent bil-preżenza tal-karozza. Meta marret lura mill-entratura tal-ġenb li tagħti għall-Imġarr, ma ratx il-karozza. Mistoqsija dwar in-nies viċin jew ġewwa l-vettura, ix-xhud tgħid li ma tistax tiftakar.
Tliet ijiem wara nstabu partijiet mill-ġisem fuq siġra
Xehed ukoll John Gera, uffiċjal mill-Faċilità ta’ Korrettiva ta’ Kordin, Qal li mar mal-Maġistrat fuq il-post tar-reat biex jiżgura s-sigurtà fuq il-post. Huwa kien ukoll jirrapporta lura lill-Maġistrat li akkumpanjah f’diversi postijiet waqt l-inkjesta.
Gera spjega li ttieħdu għexieren ta’ oġġetti peress li l-evidenza kienet imxerrda madwar, kif ukoll materjal perikoluż possibbli li jista’ jagħmel ħsara lill-Pulizija u lill-esperti. Huwa qal li x-xogħol baqa’ għaddej sew f’dan il-każ u li tliet ijiem ġew rikoverati wkoll partijiet mill-ġisem minn fuq siġra.
David Fenech minn Percius Car Hire qal li karozza ġdida kienet mikrija lil Caruana Galizia madwar Marzu jew April 2017. “Ladarba kienet involuta f’inċident meta xi ħadd daħal fuq wara, ħadniha għal ġimgħa f’Settembru. Irranġajnaha u tajnieilha lura wara ġimgħa.”
Il-Maġistrat Montebello qalet li ġiet ippreżentata talba oħra għall-ħelsien mill-arrest fit-8 ta’ Frar li għadda. L-Avukat Difensur Charles Mercieca qal. “Jien se nkun pragmatiku ħafna, inżomm mal-liġi u ma tmissx il-merti tal-każ. Se niffoka biss fuq kriterji legali għall-ħelsien mill-arrest.
“Il-Prosekuzzjoni għandha tipprova l-eżistenza ta’ kwalunkwe biża’ li tiġġustifika li jinżamm il-ħelsien mill-arrest.” Il-mogħdija taż-żmien tnaqqas dawk il-biżgħat, huwa qal, filwaqat li ċċita l-ġurisprudenza. Qal li l-Prosekuzzjoni ma tatx prova li jeżistu dawn l-biżgħat. Il-Qorti iżda ċħadet it-talba.
Għal Fenech qegħdin jidhru l-Avukati Charles Mercieca, Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri, bil-Prosekuzzjoni titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra mgħejjuna mid-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia. Il-kumpilazzjoni tkompli nhar il-Ħamis, 18 ta’ Marzu fil-11.00am.
.
//= $special ?>