Internazzjonali

Stati Uniti: Prezentati l-filmati drammatiċi tal-assedju fuq il-Capitol waqt il-proċess ta’ Trump

Is-Senaturi  preżenti għat-tieni proċess ta’ impeachment għall-eks President Amerikan Donald Trump intwerew filmati drammatiċi ġodda tal-jum – is-6 ta’ Jannar — meta l-partitarji ta’ Trump kien assedjaw il-bini tal-US Capitol f’Washington.

Il-filmati grafiċi juru lill-pulizija qed jikkonfrontaw direttament lid-dimostranti vjolenti waqt l-eqqel tar-rewwixta u fejn jinstemgħu jitolbu għall-għajnuna.

Intwerew ukoll xeni fejn l-uffiċjali tas-sigurtà kienu qed imexxu lill-politiċi lejn zoni ta’ sigurtà akbar fost periklu kbir – u f’ħin meta s-sostenituri ta’ Trimp kienu qed jidħlu bil-forza fil-bini tal-Kungress.

Id-Demokratiċi, li qed iservu bħala prosekuturi f’dan il-każ ta’ impeachament, qed jużaw il-kliem u tweets ta’ Donald Trump innifsu bħala xhieda kontra l-eks President. Dan waqt li huma qed ifissruh bħala ‘l-instigatur ewlieni’ tal-inkwiet f’Washington li kien sewa l-ħajja ta’ ħames persuni.

Il-filmati – li ma dehru qatt qabel – żvelaw kif il-folol tad-dimostranti użaw il-vjolenza biex jidħlu fil-bini tal-Capitol fejn fittxew il-politiċi li kienu nġabru hemmhekk biex jikkonfermaw ir-riżultat tal-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza Amerikana li ntrebħet minn Joe Biden. Dan waqt li wħud mid-dimostranti kienu qed jużaw lembubi u gass tad-dmugħ fuq il-pulizija preżenti.

Fis-6 ta’ Jannar, eluf ta’ partitarji ta’ Trump inġabru fl-inħawi tal-US Capitol biex jappoġġjaw l-akkużi foloz fis-sens li l-eks President kien miċħud mir-rebħa elettorali minħabba manipulazzjoni tal-proċess elettorali.

Sadanittant, mhux mistenni li Donald Trump jispiċċa kundannat fil-proċess attwali meta l-kundanna tkun teħtieġ vot favur mill-maġġoranza ta’ żewġ-terzi tal-membri tas-Senat li qed jidher diffiċli ferm li jintlaħaq.