Xempju ta’ persuna b’kapaċità li juża’ sew it-talenti li tah Alla. Minkejja l-isfidi li sab ma’ wiċċu, baqa’ fidil u qaddej ġust tal-Mulej, anke fil-gwida li flimkien ma’ martu ta lil uliedu.
Kliem Dun Gino Gauci, ħabib personali ta’ Lawrence Galea – missier id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea u missier l-impjegat ta’ Media.Link Communications Paul Galea – fl-Aħħar Tislima fil-Knisja Arċipretali taż-Żejtun, iddedikata lil Santa Katerina.
Lawrence Galea miet it-Tlieta, fl-età ta’ 90 sena, imdawwar mill-erba’ uliedu: Josette, Mario, Paul u John Mark, kif ukoll għadd ta’ membri oħrajn tal-familja.
Waqt l-Omelija, Dun Ġino qal li bħala Nsara, għandna nirringrazzjaw lil Alla talli tana lil Lawrence bħala rigal matul ħajtu. Għax b’għemilu, għallem lil dawk ta’ madwaru li għandhom jgħixu l-isfidi b’paċi u b’serenità kbira.
Dun Ġino spjega li baqa’ jżur lil Lawrence sal-aħħar mumenti biex itih l-Ewkaristija. U ra li meta beda jnemnem id-dawl metaforiku tal-musbieħ tiegħu, bħal qisu rrepeta kliem il-Profeta Xmun meta ppreżentawlu lil Ġesù tarbija: “Issa O Sid, tista’ tħalli lill-Qaddej tiegħek imur fis-Sliem”.
Dun Ġino temm billi sellem lil Lawrence, li uża l-fidi u t-tenaċità bħala boxxla li tmexxieh fit-triq it-tajba.
Minbarra qraba u ħbieb ta’ Lawrence, preżenti għall-Quddiesa kien hemm ukoll għadd ta’ Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra, fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u martu AnneMarie, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia.
Preżenti wkoll diversi Uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista u impjegati tad-Dar Ċentrali, immexxija mis-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech.
//= $special ?>