L-Istat ta’ Victoria, fl-Awstralja, minn dan il-lejl jibda josserva perjodu ġdid ta’ lockdown – it-tielet mill-bidu tal-pandemija u meta l-awtoritajiet lokali huma determinati li jikkontrollaw il-każi tal-varjant ‘Britanniku’ tal-coronavirus li feġġew fit-territorji tagħhom.
L-uffiċjali Awstraljani, din il-ġimgħa, sabu 13-il każ tal-varjant li s-sors ewlieni tiegħu kien ħaddiem li kien qed jissorvelja lill-persuni fi kwarantina u li spiċċa infettat waqt li kien qiegħed f’lukanda ta’ Melbourne.
Intant, l-aħħar lockdown għal Victoria għandu jibqa’ sa nhar l-Erbgħa – bil-Gvern Awstraljan, fl-istess ħin, jiddikjara li t-tournament tat-tennis tal-Australia Open għandu jimxi skont il-programm fil-belt ta’ Melbourne. Madankollu, id-dilettanti tat-tennis mhumiex se jkunu jistgħu jattendu għal dan l-avveniment sportiv ewlieni – meta qabel kien ikun hemm preżenti folol ta’ madwar 30,000.
Fl-aħħar sigħat, il-Prim Ministru ta’ Victoria, Daniel Andrews, qal li l-każi l-ġodda tal-varjant ma kenux relatati mal-lukandi għall-kwarantina li qed jużaw il-plejers tat-tennis.
Andrews sostna li l-lockdown, li sejħilha ‘circuit breaker’, hu meħtieġ biex jikkumbatti l-varjant ‘super-infettiv’ li qed jixpruna l-infezzjonijiet bil-Covid-19 qalb il-komunità. Il-Prim Ministru spjega li l-varjant hu ‘l-aktar element tal-virus li qed jinfetta lin-nies malajr’, bl-awtoritajiet tas-saħħa diġà qed jissorveljaw madwar 1,000 persuna li kellhom il-kuntatti mill-qrib mal-infettati.
Qabel l-inċidenza tal-varjant, l-Istat ta’ Victoria kien ilu ma jirrapporta każ ta’ infezzjoni lokali għal 28 jum, fost indikazzjonijiet li l-Istat, fil-parti kbira, kien ‘elimina l-virus’.
Sadanittant, numru kbir ta’ residenti f’Melbourne qed jesprimu dispjaċir u għadab dwar is-sitwazzjoni ġdida, iżda fil-parti kbira, huma aċċettaw il-ħtieġa għall-aħħar lockdown. Madankollu, kien hemm ukoll il-protesti pubbliċi mingħand in-nies li opponew ‘ir-restrizzjonijiet għall-movimenti tagħhom’.
Ir-rapporti mir-Renju Unit qalu li l-ekonomija nazzjonali naqset b’rekord ta’ 9.9 fil-mija matul is-sena li għaddiet, wara li r-restrizzjonijiet dovuti għall-Covid-19 laqtu ħażin ħafna lill-produzzjoni.
It-tnaqqis – jew contraction – fl-2020 hu aktar mid-doppju tat-tnaqqis rekord preċedenti fuq bażi ta’ sena, b’dan jikkonfermah l-Uffiċċju għall-Istatistika Nazzjonali, Madankollu, l-ekonomija tar-Renju Unit tidher li se tevita sitwazzjoni fejn tirkupra xi ftit qabel tieħu daqqa oħra ‘l isfel (double dip recession) u wara li r-rata tal-produzzjoni tjiebet ftit lejn l-aħħar tas-sena l-oħra.
L-effetti tal-coronavirus komplew jinħassu fiċ-Ċina meta l-ammont tan-nies li s-soltu jivvjaġġaw madwar il-pajjiż qabel is-Sena Ġdida Lunari naqas sew minn ta’ sentejn ilu. Dan meta r-restrizzjonijiet għall-Covid-19 ‘affettwaw bil-kbir’ lill-aktar żmien intensiv għall-immigrazzjoni domestika fuq livell globali.
Iċ-ċelebrazzjoni tal-avveniment, fuq sebat ijiem, hi l-aktar vaganza importanti għaċ-Ċina u fiha tispikka r-reunjoni tal-familji fuq skala kbira. Intant, din is-sena naqsu ħafna mill-miljuni ta’ ħaddiema li s-soltu jivvjaġġaw minn belt Ċiniża għall-oħra — inkella lejn djarhom qalb ir-reġjuni remoti tal-pajjiż — biex ikunu jistgħu jgawdu l-avveniment ma’ qrabathom.
//= $special ?>