Il-Pulizija qed tissuspetta li l-konverżjoni ta’ raġel Musulman għall-Kristjaneżmu kienet il-mottiv li qala daqqiet ta’ sikkina f’garaxx fil-Mosta fis-26 ta’ Jannar li għadda, bl-avukat tiegħu jargumenta li kien qed jgħix fil-biża’ tal-aggressuri tiegħu, li jinsabu fuq pleġġ.
Simar Halil Hannan, ir-raġel Sirjan ta’ 26 sena akkużat li darab b’mod gravi lil Lamir Mohammad ta’ 29 sena, ukoll Sirjan, li tah daqqiet ta’ sikkina f’għonqu, qed isostni li laqat lir-raġel bi żball waqt ġlieda li faqqgħet f’garaxx fi Triq il-Kappar, il-Mosta, għall-ħabta tal-10pm.
F’seduta quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, Surġent tal-Pulizija xehed li Lamir kien qal lill-pulizija li kien maħsub li jiltaqa’ ma’ raġel ieħor – ċertu Jomah – biex jirċievi xi flus dovuti lilu, iżda meta mar fil-garaxx tar-raġel sab Simar jistennieh.
Is-Surġent qal li Lamir kien spjega li kien Musulman u kien ikkonverta għall-Kristjaneżmu biex jiżżewweġ mara Maltija. “Fis-Sirja kien hemm prattika li biha jekk joqtlu persuna li tiċħad ir-reliġjon Musulmana, huma assigurati li jgħaddu għall-Ġenna fil-ħajja ta ‘wara”, kompla s-Surġent.
Min-naħa tiegħu, Jomah kien qal lill-Pulizija li kellu d-dejn mall-vittma fuq xi xogħlijiet tal-aluminju u kien laqtu bi żball waqt li kien qed jaħdem. L-Avukat tal-parti civile Matthew Xuereb, li deher għal Lamir flimkien mal-avukat Lucio Sciriha, ripetutament insista li l-Prosekuzzjoni għandha żżid ir-reat ta’ attentat ta’ qtil fl-att tal-akkuża, u żied li l-klijent tiegħu issa kien qed jgħix fit-terrur tal-irġiel.
Dan wassal għal skambju qawwi mal-Qorti, li ordnat lill-Avukat biex iżomm il-kalma, u fakkru li ma kellu l-ebda dritt jkun parti fis-seduta. L-espert tal-Qorti Mario Scerri se jkun qed jippreżenta lill-Qorti rapport dwar il-ġrieħi tal-vittma fil-jiem li ġejjin.
Peress li l-akkużat bħalissa jinsab taħt pleġġ, qabel ma kkonkluda s-seduta, il-Maġistrat Mifsud assigura li l-vittma kienet protetta b’ordni tal-Qorti. Il-Qorti qed tistenna l-konklużjonijiet tal-inkjesta Maġisterjali dwar l-inċident. L-Avukat Arthur Azzopardi qed jidher għall-akkużat. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Stacy Attard.
//= $special ?>