L-istqarrija tal-Assocjazzjoni għall-Imħallfin u Magistrati ta’ Malta aktar kmieni llum tikkonferma l-urġenza kbira li teżisti sabiex fil-qasam tal-ġustizzja issir riforma ħolistika.
Filwaqt li l-Oppożizzjoni taqbel li huwa meħtieġ li jiġu maħtura aktar imħallfin u maġistrati, l-Oppożizzjoni tqis dan il-pass waħdu bħala wieħed li jfittex li jindirizza biss il-kriżi tal-mument mingħajr ma joffri soluzzjoni dejjiema.
Għalhekk l-Oppożizzjoni tisħaq li l-Gvern għandu minnufih jintrabat li jagħmel l-investimenti kollha meħtieġa kemm dawk finanzjarji kif ukoll dawk ta’ riżorsa umana, sabiex l-imħallfin u l-maġistrati jkunu jistgħu jwettqu d-doveri tagħhom bl-iktar mod effiċjenti u effettiv.
Spiċċa ż-żmien li l-Ministru għall-Ġustizzja, jkun min ikun, jieħu deċiżjonijiet biex isolvi biss il-kriżi li tinqala f’jum partikolari. Jeħtieġ li d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-ġustizzja jibdew jittieħdu skont pjan ta’ ħidma fit-tul li jkun maqbul bejn dawk kollha li għandhom rwol fis-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna u mhux wieħed li jiġi mpost mill-Gvern tal-ġurnata.
Bħala pajjiż jeħtieġ li niżguraw li l-ebda persuna ma tispiċċa vittma tas-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna. Issa huwa ż-żmien li bħala pajjiż inwettqu riforma sħiħa fil-qasam tal-ġustizzja li tpoġġi liċ-ċittadin fil-qalba tagħha u mhux waħda li taqta’ qalb iċ-ċittadin.
L-Oppożizzjoni lesta tagħti s-sehem sħiħ tagħha biex fil-qasam tal-ġustizzja mill-kliem ngħaddu għall-fatti.
Din l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista kienet iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, Karol Aqulina.
//= $special ?>