Il-Partit Nazzjonalista jinnota li għal darb’oħra l-Gvern, permezz tal-aġenzija tiegħu Infrastruttura Malta, li tagħha l-Ministru Ian Borg hu responsabbli, qed ikompli jkun il-protagonist ewlieni fl-isfreġju ambjentali ta’ pajjiżna.
L-aħħar fost sensiela minn dawn l-isfreġi ambjentali sar magħruf fis-sigħat li għaddew meta l-istess entita’ għamlet xogħlijiet ta’ passaġġi bil-konkos fid-Dwejra (Victoria Lines), bil-probabbilta’ li dawn ix-xogħlijiet imorru kontra liġijiet u regolamenti li jħarsru l-ambjent f’pajjiżna (GN 671/2003).
L-Oppożizzjoni qed titlob lill-awtoritajiet konċernati, nkluż lill-Kummissarju tal-Pulizija, sabiex isiru l-investigazzjonijiet neċessarja biex jekk jiġi kkonfermat li dan ix-xogħol sar bi ksur tal-liġijiet ta’ pajjiżna, jittieħdu l-passi meħtieġa fil-konfront ta’ dawk responsabbli.
Il-Partit Nazzjonalista jaqbel li jsiru passaġġi li jirrispettaw il-liġijiet ta’ Malta sabiex jgħinu fl-aċċess bla periklu għall-bdiewa u r-raħħala tagħna, li jkunu skont l-arti u s-sengħa u fl-istess ħin jirrispettaw l-ambjent ta’ madwarna.
Sfortunatament, il-Gvern qed ikun hu stess li minflok jagħti l-eżempju u jħares il-liġi, qed jiksira b’mod ripetut. F’pajjiż normali, din l-attitudni mhix aċċettabbli u min jonqos ikollu jerfa’ r-responsabbilta’ politika.
Għall-arroganza u l-inkompetenza tal-Gvern qed jispiċċa jħallas dejjem il-poplu Malti.
Din l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista kienet iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent u Tibdil fil-Klima, Robert Cutajar, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u l-Infrastruttura, Toni Bezzina u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Agrikoltura, Sajd u n-Negozji ż-Żgħar Edwin Vassallo.
//= $special ?>