Lokali Qorti

Miċħuda talba ta’ Yorgen Fenech biex sekwestru ta’ €5miljuni ppreżentat mill-werrieta ta’ Daphne Caruana Galizia ma jibqax fis-seħħ

L-Imħallef Anna Felice ma laqgħetx attentat tal-Avukati ta’ Yorgen Fenech biex ordni ta’ mandat ta’ sekwestru ta’ €5 miljuni ppreżentat fuq l-assi tiegħu mill-werrieta tal-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia ma jibqax fis-seħħ.

L-ordni ta’ sekwestru kienet ippreżentata s-sena l-oħra mill-avukat Peter Caruana Galizia u wliedu Andrew, Matthew u Paul kontra Yorgen Fenech, Melvin Theuma, George Degiorgio, Alfred Degiorgio u Vincent Muscat, maħsuba biex tiffriża assi li jistgħu jintużaw biex iħallsu għad-danni li sofrew. b’riżultat tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017.

L-imħallef, li tippresiedi l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, qalet li l-prinċipji li jirregolaw il-proċeduri għandhom għeruq sodi fil-ġurisprudenza lokali. “Essenzjalment, l-eżami li din il-Qorti trid tagħmel fuq il-merti għandu jibqa’ limitat għal dak li jidher mal-ewwel daqqa t’għajn, bit-twissija li l-investigazzjoni aktar profonda tal-kwistjoni tkun riservata għall-Qorti li tisma’ l-każ prinċipali.

“Minbarra dan, huwa dejjem mgħallem li l-Qorti ma twarrabx ħafif id-dritt ta’ kreditur li jassigura l-kreditu tiegħu bil-mezzi kollha disponibbli fil-liġi.” Hija kompliet tinnota li l-argument tan-nullità tal-mandat ta’ sekwestru ma kellux post, peress li l-liġi li taħtha ġiet ippreżentata l-kontestazzjoni ma tkellmitx dwar skrutinju relatat man-nullità jew mod ieħor.

Ma kien hemm l-ebda bidla fiċ-ċirkostanzi kif meħtieġ fil-liġi u t-talba fuq l-assi ffriżati baqgħet, iddeċidiet il-Qorti. Yorgen Fenech qed jargumenta li s-somma mitluba hija eċċessiva, hekk kif fl-applikazzjoni ġuramentata s-somma ta’ €5 miljun mhix mitluba u lanqas ma kienet dokumentazzjoni li twassal għall-verifika tal-ammont esebit.

Iżda l-imħallef iddeċiedit li sabiex jiġi stabbilit b’mod effettiv l-ammont ta’ danni kkawżati, ikun hemm bżonn li wieħed jidħol ħafna iktar fil-fond minn dak mistenni minn Qorti f’dawn il-proċeduri, li jaqbeż il-poteri tagħha.

Mandat ta’ sekwestru simili maħruġa kontra Melvin Theuma ġiet irtirata hekk kif ġiet ipprovduta sigurtà alternattiva. Il-Qorti ċaħdet ukoll talba biex tiġi imposta piena fuq il-familja Caruana Galizia għal abbuż tal-proċess ġudizzjarju permezz tal-ħruġ tal-mandat inkwistjoni.

L-Imħallef qalet li l-ebda waħda mir-rekwiżiti legali għas-sussistenza ta’ tali piena ma kienet teżisti f’dan is-sett ta’ ċirkostanzi. Finalment talba biex il-Qorti tordna lill-banek biex ma jiffriżawx l-assi ma pprovdiet l-ebda evidenza li l-banek kienu qed jiksru l-liġi.

“Din il-Qorti hija tal-fehma li jekk dan huwa l-każ, l-ilment għandu jkun indirizzat lill-banek permezz tal-proċeduri xierqa,” temmet tgħid l-Imħallef Anna Felice fid-deċiżjoni tagħha.