Futbol Sport

Illejla, fid-9:30pm fuq Net Television | Gwida għall-partiti ta’ tmiem il-ġimgħa u aktar rakkonti mill-passat tal-futbol Malti

Il-‘Friday Football Night Show’ ta’ Net Television dwar il-futbol lokali, l-uniku wieħed li għadna f’pajjiżna, jerġa’ ikun magħna llejla għal edizzjoni oħra mill-aktar interessanti u informattiva, u li żgur ħadd m’għandu jitlef. Mill-istudio armat apposta fir-restorant li jinsab is-Saqqajja, Il-Veduta, Christian Micallef se jkun qed jagħtina gwida għall-partiti kollha li għadna skedati għal matul din it-tmiem il-ġimgħa, mill-20 ġurnata tal-Kampjonat Premier, bejn għada is-Sibt u nhar il-Ħadd li ġej.

B’kollox se jkolna seba’ partiti, għaliex wieħed mill-konfronti, ċioé dak bejn Balzan u Żejtun Corinthians, ġie pospost peress li ż-Żwieten jinsabu fi kwaratina. Il-partita tal-ġimgħa se tkun qed tintlagħab għada s-Sibt, meta l-leaders tal-Kampjonat, Hamrun Spartans jilgħabu kontra wieħed mit-timijiet l-aktar fil-forma fil-mument, Birkirkara. Apparti servizz dettaljat dwar dan il-konfront, lejliet li jintlagħab, fil-programm tal-lejla, u abbinat apposta ma’ dan il-konfront, se jitwassal servizz speċjali mir-rokna tant popolari, ‘X’Sar Minnhom?’. Ir-rakkont għal din il-ġimgħa minn din ir-rubrika tal-passat hu tal-Finali tal-FA Trophy, li ntlagħbet bejn dawn iż-żewġ klabbs, fl-2008.

Apparti l-gwida għall-bqija tal-partiti l-oħra tal-Kampjonat Premier, ilejla se tkunu tistgħu taraw il-gowls kollha li kelna f’nofs din il-ġimgħa mill-bqija tal-partiti mir-rawnd tal-aħħar 32 tal-FA Trophy. B’kollox kelna 12-il partita, u f’Replay Preview tal-lejla, f’servizz apposta, naraw il-gowls kollha li kellna f’dawn il-partiti, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Fl-edizzjoni tal-lejla, se nkunu qed niltaqgħu ukoll mal-attakkant Brażiljan ta’ Gzira United F.C., Jefferson li l-gowl tiegħu li skorja f’Ottubru kontra Zejtun Corinthians FC, intagħżel mit-telespettaturi ta’ Replay bħal l-isbaħ gowl tax-xahar, f’unur sponsorjat minn Tescoma Malta, wieħed mill-isponsors ewlenin tal-programmi Replay (Net Television).

Ilejla ukoll, u abbinat ma’ anniversarju ta’ partita storika u memorabbli li se jkun qed jiġi ċċelebrat matul dan ix-xahar, se naraw it-tieni servizz speċjali mir-rubrika ‘Eku tal-Passat’ b’rakkont tal-ewwel logħba tat-tim nazzjonali Malti, 64 sena llu kontra l-Awstrija. Din il-logħba ta’ ħbiberija kienet intlagħbet fl-24 ta’ Frar tal-1957 fl-iStadium tal-Gżira u l-Maltin konna tlifna 3-2.

Dan is-servizz hu wieħed uniku u memorabbli, għaliex għandu fiħ it-testimonjanzi tal-mibki Victor Scerri, li kien gowlkiper ta’ Malta f’dik il-partita, u ta’ Joe Cini, li kien wieħed mill-plejers żgħażagħ fit-tim Malti ta’ dak in-nhar.

Replay Preview tal-Ġimgħa filgħaxija hu ppreżentat minn Christian Micallef u jibda fid-9:30pm fuq NET Television.